KAPITLU 4
“Ara! L-Iljun tat-Tribù taʼ Ġuda”
“Jien hu”
1-3. Liema periklu jiffaċċja Ġesù, u kif jirreaġixxi?
MARMALJA qed tfittex lil Ġesù sabiex tarrestah. Armati bi sjuf u bsaten u b’suldati fosthom, l-irġiel jifformaw folla kbira. Bħallikieku mmexxijin minn skop wieħed mill-agħar, huma jgħaddu mit-toroq mudlama taʼ Ġerusalemm u jaqsmu l-Wied taʼ Kidron għall-Muntanja taż-Żebbuġ. Għalkemm il-qamar kwinta, qed iġorru t-torċi u l-imsiebaħ. Huwa dan minħabba li s-sħab qed jgħatti d-dawl tal-qamar? Jew qed jistennew li se jsibu lil dak li qed ifittxu mistoħbi fid-dlam? Ħaġa waħda hija ċerta: Kulmin jistenna li Ġesù se jaħrab bil-biża’ ma jaf xejn dwar il-karattru tiegħu.
2 Ġesù hu konxju tal-periklu li riesaq. Minkejja dan, hu ma jipprovax jaħrab imma jibqa’ jistenna fejn hu. Il-marmalja qed toqrob, immexxija minn Ġuda, li darba kien ħabib fdat taʼ Ġesù. Ġuda jittradixxi lil Ġesù b’mod sfaċċat, billi jidentifika lil dak li qabel kien sidu b’tislima kollha ipokrisija u b’bewsa. Xorta waħda, Ġesù jibqa’ kalm. Imbagħad jersaq quddiem il-marmalja. “Lil min qed tfittxu?” jistaqsi hu. “Lil Ġesù n-Nazzarenu,” iwieġbu huma.
3 Il-biċċa l-kbira min-nies kieku jitriegħdu bil-biża’ quddiem marmalja armata bħal din. Forsi l-folla hekk qed tistenna li se jagħmel dan ir-raġel li qiegħed quddiemhom. Imma Ġesù ma jibżax, ma jaħrabx, u lanqas ma taħrablu xi gidba. Minflok, hu sempliċement jgħid: “Jien hu.” Tant hu kalm, tant hu qalbieni, li l-irġiel jibqgħu mbellhin. Huma jersqu lura u jaqgħu maʼ l-art!—Ġwanni 18:1-6; Mattew 26:45-50; Marku 14:41-46.
4-6. (a) L-Iben t’Alla maʼ xiex jiġi mxebbah, u għala? (b) Liema huma tliet modi li bihom Ġesù wera l-kuraġġ?
4 Ġesù kif seta’ jiffaċċja dan il-periklu kbir b’tant rażna u kontroll fuqu nnifsu? It-tweġiba, f’kelma waħda, hi l-kuraġġ. Il-kuraġġ huwa waħda mill-iktar kwalitajiet ammirati u bżonnjużi f’mexxej, u ebda bniedem ma qatt kien daqs Ġesù, aħseb u ara kemm kien aħjar minnu, f’dan ir-rigward. Fil-kapitlu taʼ qabel, tgħallimna kemm Ġesù kien umli u ġwejjed. Hu bix-xieraq issejjaħ “il-Ħaruf.” (Ġwanni 1:29) Madankollu, il-kuraġġ taʼ Ġesù huwa r-raġuni għala ngħata deskrizzjoni oħra differenti ħafna. Il-Bibbja tgħid hekk dwar l-Iben t’Alla: “Ara! L-Iljun tat-tribù taʼ Ġuda.”—Rivelazzjoni 5:5.
5 L-iljun spiss jiġi assoċjat mal-kuraġġ. Qatt kont bil-wieqfa wiċċ imbwiċċ maʼ ljun kbir? Jekk iva, x’aktarx li kont fis-sigurtà, mifrud minnu permezz taʼ xi lqugħ ħdejn il-post fejn jinżamm fiż-żu. Xorta waħda, esperjenza bħal din tista’ tkun tal-biża’. Hekk kif tħares fiss lejn wiċċ dan l-annimal kbir u b’saħħtu u hu jħares fiss lejk, żgur ma jgħaddilekx minn moħħok li l-iljun qatt se jaħrab bil-biża’ minn xi ħaġa. Il-Bibbja titkellem dwar “l-iljun, l-iktar setgħan fost il-bhejjem u li ma jerġa’ lura minn quddiem ħadd.” (Proverbji 30:30) Il-kuraġġ taʼ Kristu hu eżatt bħal taʼ l-iljun.
6 Ejja niddiskutu kif Ġesù wera kuraġġ bħal taʼ ljun bi tliet modi: billi ddefenda l-verità, billi wera l-ġustizzja, u billi ffaċċja l-oppożizzjoni. Se naraw ukoll li lkoll kemm aħna—kemm jekk aħna qalbenin minna nfusna u kemm jekk le—nistgħu nimitaw lil Ġesù f’li nuru l-kuraġġ.
Hu Ddefenda l-Verità bil-Kuraġġ
7-9. (a) X’ġara meta Ġesù kellu 12-il sena, u għala tħoss li din is-sitwazzjoni kienet xi ftit tal-biża’? (b) Ġesù kif wera l-kuraġġ bil-mod kif ittratta lill-għalliema fit-tempju?
7 F’dinja maħkuma minn Satana, “missier il-gidba,” spiss jirrikjedi l-kuraġġ biex niddefendu l-verità. (Ġwanni 8:44; 14:30) Ġesù ma stenniex sakemm isir adult biex jieħu din il-waqfa. Meta kellu 12-il sena, Ġesù ntilef minn mal-ġenituri tiegħu wara l-festa tal-Qbiż f’Ġerusalemm. Għal tlett ijiem, Marija u Ġużeppi fittxewh bla heda. Fl-aħħar sabuh fit-tempju. U x’kien qed jagħmel hemm? Kien “bil-qiegħda f’nofs l-għalliema, jismagħhom u jistaqsihom.” (Luqa 2:41-50) Ikkunsidra l-isfond taʼ din id-diskussjoni.
8 L-istorjografi jgħidu li wħud mill-mexxejja reliġjużi prominenti kellhom id-drawwa li jibqgħu fit-tempju wara l-festi u jgħallmu f’wieħed mill-portiċi spazjużi li kien hemm. In-nies kienu joqogħdu bil-qiegħda maʼ l-art u jistaqsuhom mistoqsijiet. Dawn l-għalliema kienu rġiel t’edukazzjoni għolja. Kienu jafu tajjeb x’tgħid il-Liġi Mosajka u wkoll il-liġijiet u t-tradizzjonijiet bla tarf u kumplessi li għamlu l-bnedmin u li kienu żdiedu tul is-snin. Kif stajt ħassejtek bil-qiegħda f’nofshom? Xi ftit beżgħan? U bir-raġun. U xi ngħidu kieku kellek biss 12-il sena? Ħafna adoloxxenti huma mistħijin. (Ġeremija 1:6) Xi wħud jipprovaw jagħmlu minn kollox biex ma jiġbdux l-attenzjoni taʼ l-għalliema tagħhom fl-iskola; dawn l-adoloxxenti jibżgħu li jiġu mitlubin jagħmlu jew jgħidu xi ħaġa, jibżgħu li jingħataw attenzjoni speċjali, jibżgħu li forsi se jiġu imbarazzati jew imwaqqgħin għaċ-ċajt.
9 Madankollu, hawnhekk insibu lil Ġesù, bil-qiegħda f’nofs dawn l-irġiel għorrief, bla biża’ jistaqsihom mistoqsijiet li jolqtuhom fil-laħam il-ħaj. U għamel saħansitra iktar minn hekk. Ir-rakkont jgħidilna: “Dawk kollha li kienu qed jisimgħuh baqgħu mistagħġbin b’kemm kien jifhem u bit-tweġibiet tiegħu.” (Luqa 2:47) Il-Bibbja ma tgħidilniex x’qal f’din l-okkażjoni, imma nistgħu nkunu fiduċjużi li hu ma qagħadx jirripeti t-tagħlim falz li tant kien jogħġob lil dawn l-għalliema reliġjużi. (1 Pietru 2:22) Le, hu żamm mal-verità tal-Kelma t’Alla, u s-semmiegħa tiegħu żgur baqgħu mbellhin b’tifel taʼ 12-il sena li seta’ jesprimi lilu nnifsu b’daqshekk dehen u kuraġġ.
Ħafna żgħażagħ Kristjani jaqsmu l-fidi tagħhom b’kuraġġ m’oħrajn
10. Kristjani żgħażagħ illum kif jimitaw il-kuraġġ taʼ Ġesù?
10 Illum, għadd kbir taʼ Kristjani żgħażagħ qed isegwu l-passi taʼ Ġesù. M’għandniex xi ngħidu, m’humiex perfetti bħal ma kien iż-żagħżugħ Ġesù. Però, bħalu ma jistennewx li jkunu adulti biex jieħdu waqfa għall-verità. Fl-iskola jew fil-komunitajiet fejn joqogħdu, huma b’tattika jistaqsu lin-nies mistoqsijiet, jisimgħu, u b’rispett jaqsmu l-verità magħhom. (1 Pietru 3:15) Bħala grupp, dawn iż-żgħażagħ għenu lil sħabhom tal-klassi, lill-għalliema, u lill-ġirien isiru segwaċi taʼ Kristu. Min jaf kemm il-kuraġġ tagħhom iferraħ lil Ġeħova! Il-Kelma tiegħu xxebbah lil dawn iż-żgħażagħ maʼ qtar tan-nida—rifreskanti, pjaċevoli, u numerużi.—Salm 110:3.
11, 12. Bħala adult, Ġesù kif wera l-kuraġġ f’li jiddefendi l-verità?
11 Bħala raġel, Ġesù wera l-kuraġġ darba wara l-oħra f’li jiddefendi l-verità. Fil-fatt, il-ministeru tiegħu beda b’konfrontazzjoni li ħafna jqisuha tal-biża’. Bħala sempliċi bniedem tad-demm u l-laħam, u mhux bħala l-arkanġlu setgħan, Ġesù kellu jiffaċċja lil Satana, l-iktar għadu setgħan u perikoluż taʼ Ġeħova. Ġesù ċaħad lil Satana u ta prova li dan kien applika ħażin l-Iskrittura ispirata. Ġesù temm il-konversazzjoni billi bil-qlubija kkmanda: “Mur ’l hemm, Satana!”—Mattew 4:2-11.
12 B’hekk, Ġesù sejjes il-pedament għall-ministeru tiegħu, billi bil-qlubija ddefenda l-Kelma taʼ Missieru mill-isforzi biex jgħawġuha jew jużawha ħażin. Dak iż-żmien, bħal-lum, diżonestà bħal din fi kwistjonijiet reliġjużi kienet komuni ħafna. Lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu, Ġesù qalilhom: “Iġġibu l-kelma t’Alla fix-xejn bit-tradizzjoni tagħkom li intom għaddejtu lil oħrajn.” (Marku 7:13) Dawn l-irġiel kienu onorati bil-kbir min-nies in ġenerali, imma Ġesù bla biża’ akkużahom bħala gwidi għomja u ipokriti.a (Mattew 23:13, 16) Kif nistgħu nimitaw dan l-aspett taʼ l-eżempju kuraġġuż taʼ Ġesù?
13. Xi rridu niftakru meta nimitaw lil Ġesù, madankollu xi privileġġ għandna?
13 M’għandniex xi ngħidu, aħna niftakru li la għandna l-abbiltà taʼ Ġesù li naqraw il-qlub u lanqas l-awtorità tiegħu li niġġudikaw. Madankollu, nistgħu nimitaw il-mod kif iddefenda l-verità bil-qlubija. Per eżempju, billi nikxfu t-tagħlim reliġjuż falz—il-gideb li spiss jiġi mgħallem dwar Alla, l-iskopijiet tiegħu, u l-Kelma tiegħu—aħna nitfgħu dawl f’dinja mudlama minħabba l-propaganda taʼ Satana. (Mattew 5:14; Rivelazzjoni 12:9, 10) Aħna ngħinu lin-nies biex jinħelsu mill-jasar tat-tagħlim falz li jimla lil qalbhom b’biża’ kbir u li jħassar ir-relazzjoni tagħhom m’Alla. Xi privileġġ għandna li naraw it-twettiq tal-wegħda taʼ Ġesù: “Il-verità teħliskom”!—Ġwanni 8:32.
Hu Wera l-Ġustizzja bil-Kuraġġ
14, 15. (a) Liema hu mod wieħed kif Ġesù għamel ċar “x’inhi l-ġustizzja”? (b) Meta tkellem maʼ mara Samaritana, Ġesù injora liema preġudizzji?
14 Il-profezija Biblika bassret li l-Messija kellu juri lill-ġnus b’mod ċar “x’inhi l-ġustizzja.” (Mattew 12:18; Isaija 42:1) Ġesù żgur li beda jagħmel dan meta kien fuq l-art. B’kuraġġ kbir, hu wera li dejjem kien ġust u imparzjali fil-mod kif ittratta lin-nies. Per eżempju, hu rrifjuta li jaċċetta l-preġudizzji u l-intolleranza mhux Skritturali li kienu komuni fid-dinja ta’ madwaru.
15 Meta Ġesù tkellem maʼ mara Samaritana ħdejn il-bir taʼ Sikar, id-dixxipli tiegħu baqgħu mbellhin. Għala? Dak iż-żmien, il-biċċa l-kbira mil-Lhud kienu jobogħdu lis-Samaritani; din il-mibegħda kienet ilha għaddejja s-snin. (Esdra 4:4) Barra minn hekk, xi wħud mir-rabbini kienu jħarsu lejn in-nisa bi stmerrija. Ir-regoli rabbiniċi, li iktar tard tniżżlu bil-miktub, kienu jiskuraġġixxu lill-irġiel milli jkellmu lin-nisa; saħansitra kienu jindikaw li n-nisa ma kienx jistħoqqilhom jiġu mgħallmin il-Liġi t’Alla. B’mod partikulari, in-nisa Samaritani kienu jitqiesu bħala li m’humiex nodfa. Ġesù injora dawn il-preġudizzji mhux ġusti u fil-beraħ għallem lill-mara Samaritana (li kienet qed tgħix ħajja immorali), saħansitra rrivelalha l-identità tiegħu bħala l-Messija.—Ġwanni 4:5-27.
16. Il-Kristjani għala għandhom bżonn il-kuraġġ biex ikunu differenti fejn jidħol il-preġudizzju?
16 Ġieli sibt ruħek fost uħud li kellhom preġudizzji xejn sbieħ? Forsi wħud li bi tmaqdir jiċċajtaw b’nies taʼ razza jew ġens ieħor, jitkellmu b’disprezz dwar membri tas-sess oppost, jew iħarsu lejn dawk taʼ livell soċjali jew ekonomiku differenti bħala li huma inferjuri. Is-segwaċi taʼ Kristu ma japprovawx ideat bħal dawn, u jaħdmu iebes biex jeliminaw kwalunkwe traċċa taʼ preġudizzju li jista’ jkun hemm f’qalbhom. (Atti 10:34) Ilkoll kemm aħna għandna bżonn nikkultivaw il-kuraġġ biex inkunu imparzjali f’dan ir-rigward.
17. Ġesù liema azzjoni ħa fit-tempju, u għala?
17 Ukoll, il-kuraġġ wassal lil Ġesù biex jiġġieled għall-indafa tal-poplu t’Alla u għall-arranġament tal-qima pura. Kmieni fil-ministeru tiegħu, hu daħal fil-post fejn kien hemm it-tempju f’Ġerusalemm u ħassu diżgustat x’ħin ra l-merkanti u s-sarrafa tal-flus jinnegozjaw hemmhekk. Mimli rabja ġusta, Ġesù keċċa lil dawn l-irġiel rgħiba u l-merkanzija tagħhom ’il barra. (Ġwanni 2:13-17) Hu għamel xi ħaġa simili iktar tard, lejn tmiem il-ministeru tiegħu. (Marku 11:15-18) Dawn l-għemejjel żgur wassluh biex ikollu għedewwa setgħana, madankollu ma qagħadx jaħsibha. Għala? Sa minn ċkunitu, hu sejjaħ dan it-tempju dar Missieru—u verament qiesu b’dan il-mod. (Luqa 2:49) Ġesù qatt ma seta’ jagħlaq għajnejh għall-inġustizzja li kienet qed isseħħ fit-tempju, jiġifieri li titħammeġ il-qima pura. Iż-żelu tiegħu tah il-kuraġġ biex jagħmel dak li kien meħtieġ.
18. Il-Kristjani llum kif jistgħu juru l-kuraġġ b’konnessjoni maʼ l-indafa tal-kongregazzjoni?
18 Illum, is-segwaċi taʼ Kristu bl-istess mod jinteressahom ħafna mill-indafa tal-poplu t’Alla u mill-arranġament għall-qima pura. Jekk jaraw li Kristjan ieħor qed jinvolvi ruħu fi dnub serju, ma jaqbdux u jagħlqu għajnejhom għall-ħażen. Bil-kuraġġ huma jkellmu lill-persuna jew lill-anzjani. (1 Korintin 1:11) Huma jagħmlu ċert li l-anzjani tal-kongregazzjoni jkunu informati. L-anzjani jistgħu jgħinu lil dawk li jkunu morda spiritwalment u wkoll jistgħu jieħdu azzjoni biex in-nagħaġ taʼ Ġeħova jibqgħu nodfa f’għajnejh.—Ġakbu 5:14, 15.
19, 20. (a) Liema inġustizzji kienu komuni fi żmien Ġesù, u liema pressjoni ffaċċja Ġesù? (b) Is-segwaċi taʼ Kristu għala jirrifjutaw li jinvolvu ruħhom fil-politika u fil-vjolenza, u liema hu premju wieħed għall-waqfa tagħhom?
19 Però, għandna nikkonkludu li Ġesù ġġieled kontra l-inġustizzja soċjali fid-dinja b’mod ġenerali? Ċertament li kien hemm inġustizzji kullimkien. Art twelidu kienet maħkuma minn potenza barranija. Ir-Rumani ħaqru lil-Lhud bi preżenza militari qawwija, għamlulhom taxxi ebsin, u saħansitra ndaħlu fid-drawwiet reliġjużi tagħhom. Mhux taʼ b’xejn li ħafna riedu lil Ġesù jinvolvi ruħu fil-politika taʼ żmienu. (Ġwanni 6:14, 15) Għal darb’oħra, Ġesù kellu juri l-kuraġġ.
20 Ġesù spjega li s-Saltna tiegħu ma kinitx parti mid-dinja. Bl-eżempju tiegħu, hu ħarreġ lis-segwaċi tiegħu biex ma jinvolvux ruħhom fit-taqbid politiku taʼ dak iż-żmien, u biex minflok jiffokaw fuq l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. (Ġwanni 17:16; 18:36) Hu għallem lezzjoni qawwija rigward in-newtralità meta l-marmalja marret biex tarrestah. Pietru mill-ewwel ħa azzjoni, billi bla ma ħasibha xejjer is-sejf tiegħu u weġġa’ lil wieħed raġel. Huwa faċli li nifhmu lil Pietru. Jekk il-vjolenza qatt setgħet tidher li hi ġustifikata, kien f’dan il-lejl, meta l-Iben innoċenti t’Alla ġie attakkat. Madankollu, Ġesù f’dak il-mument ħalla l-eżempju għas-segwaċi tiegħu fuq l-art sa żmienna: “Erġa’ daħħal sejfek f’postu, għax kulmin jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered.” (Mattew 26:51-54) Żgur li biex jieħdu din il-waqfa paċifika, is-segwaċi taʼ Kristu kellhom bżonn il-kuraġġ, bħalma jeħtieġ li jkollna aħna llum. Minħabba n-newtralità Kristjana tagħhom, in-nies t’Alla llum għandhom rekord nadif b’konnessjoni man-numru bla għadd taʼ gwerer, olokawsti, rewwixti, u atti simili taʼ vjolenza. Dan ir-rekord eċċellenti huwa premju wieħed għall-kuraġġ tagħhom.
Hu Ffaċċja l-Oppożizzjoni bil-Kuraġġ
21, 22. (a) Ġesù liema għajnuna rċieva qabel ma ffaċċja l-iktar prova diffiċli tiegħu? (b) Ġesù kif wera li kien kuraġġuż sat-tmiem?
21 L-Iben taʼ Ġeħova kien jaf sew bil-quddiem li kien se jiffaċċja oppożizzjoni ħarxa hawn fuq l-art. (Isaija 50:4-7) Hu ffaċċja ħafna theddid taʼ mewt, li wasslu għal dak li ddeskrivejna fil-bidu taʼ dan il-kapitlu. Ġesù kif baqa’ kuraġġuż meta ffaċċja dawn il-perikli? Mela, Ġesù x’kien qed jagħmel qabel ma l-marmalja marret biex tarrestah? Kien qed jitlob bil-ħrara lil Ġeħova. U Ġeħova x’għamel? Il-Bibbja tgħidilna li t-talb taʼ Ġesù “ntlaqa’.” (Ebrej 5:7) Ġeħova bagħat anġlu mis-sema biex isaħħaħ lill-Iben qalbieni tiegħu.—Luqa 22:42, 43.
22 Ftit wara li ġie msaħħaħ, Ġesù qal lill-appostli tiegħu: “Qumu, ejja mmorru.” (Mattew 26:46) Aħseb ftit dwar il-qlubija li wera f’dan il-kliem. “Ejja mmorru,” qal hu, avolja kien jaf li kien se jitlob lill-marmalja biex teħles lil sħabu, avolja kien jaf li dawn il-ħbieb kienu se jabbandunawh u jaħarbu, u avolja kien jaf li kien se jkompli waħdu biex jiffaċċja l-iktar prova diffiċli taʼ ħajtu. Waħdu, hu ffaċċja ġuri illegali u inġust, twaqqigħ għaċ-ċajt, tortura, u mewta agonizzanti. Matul dan kollu, il-kuraġġ qatt ma naqsu.
23. Spjega għala Ġesù ma kienx qed juri nuqqas taʼ responsabbiltà fil-mod kif iffaċċja l-periklu u t-theddid taʼ mewt.
23 Kien Ġesù qed juri nuqqas taʼ responsabbiltà? Le; in-nuqqas taʼ responsabbiltà m’għandux x’jaqsam mal-kuraġġ veru. Fil-fatt, Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex ikunu attenti, biex iwarrbu b’mod għaqli mill-periklu ħalli jkomplu jagħmlu r-rieda t’Alla. (Mattew 4:12; 10:16) Però, f’dan il-każ, Ġesù kien jaf li ma setax iwarrab. Hu kien jaf x’kienet tinvolvi r-rieda t’Alla. Ġesù kien determinat li jżomm l-integrità tiegħu, u għalhekk l-unika ħaġa li seta’ jagħmel kienet li jibqa’ miexi ’l quddiem, billi jiffaċċja l-prova direttament.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova wrew il-kuraġġ meta ffaċċjaw il-persekuzzjoni
24. Għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu nuru l-kuraġġ meta niffaċċjaw kwalunkwe prova li tista’ tqum?
24 Kienu bosta d-drabi li s-segwaċi taʼ Ġesù mxew bil-kuraġġ fil-passi taʼ Sidhom! Ħafna ħadu waqfa soda meta ffaċċjaw twaqqigħ għaċ-ċajt, persekuzzjoni, arrest, ħabs, tortura, u saħansitra mewt. Bnedmin imperfetti minfejn isibu dan il-kuraġġ? M’huwiex fin-natura tagħna. Sewwasew bħalma Ġesù rċieva għajnuna mingħand Alla, hekk ukoll is-segwaċi tiegħu. (Filippin 4:13) Għalhekk, tibżax minn dak li se jġib miegħu l-futur. Kun determinat li żżomm l-integrità tiegħek, u Ġeħova jagħtik il-kuraġġ li għandek bżonn. Ibqa’ ssaħħaħ bl-eżempju tal-Mexxej tagħna, Ġesù, li qal: “Agħmlu kuraġġ! Jien irbaħt lid-dinja.”—Ġwanni 16:33.
a L-istorjografi kitbu li l-oqbra tar-rabbini kienu jingħataw qima simili ħafna għal dik li kienet tingħata lill-oqbra tal-profeti u l-patrijarki.