Setaʼ Ġesù Kellu Fidi F’Alla?
Dilemma Trinitarjana
“Kif setaʼ Ġesù kellu fidi? Hu Alla; jaf u jara kollox mingħajr ma jkollu bżonn taʼ xi ħaddieħor. Issa l-fidi tikkonsisti preċiżament f’li wieħed jistrieħ fuq xi ħaddieħor u f’li wieħed jammetti dak li ma jidhirx; li Ġesù-Alla setaʼ kellu fidi, għalhekk, huwa eskluż.”
Skond it-teologu Franċiż Jacques Guillet, dik hija l-opinjoni dominanti fil-Kattoliċiżmu. Tissorprendik din l-ispjegazzjoni? Forsi int ħsibt li ladarba Ġesù hu eżempju għall-Kristjani f’kollox, irid ukoll ikun mudell taʼ fidi. Jekk ħsibt hekk, int ma tajtx każ tad-domma tal-Kristjaneżmu tat-Trinità.
Il-kwistjoni tal-fidi taʼ Ġesù tabilħaqq hija enigma għat-teoloġi Kattoliċi, Protestanti u Ortodossi li jemmnu fit-Trinità bħala “l-misteru ċentrali tal-fidi u l-ħajja Kristjana.”a Mhux kollha jiċħdu l-fidi taʼ Ġesù, madankollu. Jacques Guillet jafferma li “huwa impossibbli li ma tirrikonoxxix li Ġesù kellu fidi,” għalkemm Guillet jammetti li, fid-dawl tad-duttrina tat-Trinità, dan huwa “paradoss.”
Il-Ġiżwita Franċiż Jean Galot, u bħalu l-maġġoranza tat-teoloġi, hu espliċitu f’li jgħid illi li jkun “veru Alla u veru bniedem, . . . Kristu ma jistax jemmen fih innifsu.” “Il-fidi tikkonsisti f’li temmen f’xi ħaddieħor, mhux li temmen fik innifsek,” jinnota l-perjodiku La Civiltà Cattolica. L-ostaklu għal li wieħed jirrikonoxxi l-fidi taʼ Ġesù, allura, huwa d-domma tat-Trinità, ladarba ż-żewġ kunċetti b’mod ċar jikkontradixxu lil xulxin.
“Il-Vanġeli qatt ma jitkellmu dwar il-fidi taʼ Ġesù,” jgħidu t-teoloġi. Fil-fatt, it-termini wżati fl-Iskrittura Griega Kristjana pi·steuʹo (li wieħed jemmen, ikollu fidi) u piʹstis (fidi) ġeneralment jirreferu għall-fidi tad-dixxipli f’Alla jew fi Kristu, iktar milli għall-fidi taʼ Ġesù f’Missieru tas-sema. Għandna aħna b’hekk nikkonkludu li l-Iben t’Alla ma kellux fidi? X’nistgħu nifhmu minn dak li għamel u qal? Xi tgħid l-Iskrittura?
Talb Mingħajr Fidi?
Ġesù kien bniedem li jitlob. Hu talab f’kull okkażjoni—meta ġie mgħammed (Luqa 3:21); il-lejl kollu qabel ma għażel lit-12-il appostlu (Luqa 6:12, 13); u qabel it-trasfigurazzjoni mirakoluża tiegħu fuq il-muntanja, waqt li kien maʼ l-appostli Pietru, Ġwanni, u Ġakbu. (Luqa 9:28, 29) Kien qiegħed jitlob meta wieħed mid-dixxipli staqsieh: “Għallimna kif nitolbu,” u għalhekk għallimhom it-Talba tal-Mulej (il-“Missierna”). (Luqa 11:1-4; Mattew 6:9-13) Hu talab waħdu u fit-tul kmieni fil-għodu (Mark 1:35-39); fil-għaxija, fuq muntanja, wara li bagħat lid-dixxipli tiegħu (Mark 6:45, 46); flimkien mad-dixxipli tiegħu u għad-dixxipli tiegħu. (Luqa 22:32; Ġwann 17:1-26) Iva, it-talb kien parti importanti mill-ħajja taʼ Ġesù.
Hu talab qabel ma wettaq il-mirakli, per eżempju, qabel ma rxoxta l-ħabib tiegħu Lażżru: “Missier, nirringrazzjak li smajtni. Veru, kont naf li int dejjem tismagħni; imma minħabba l-folla li qiegħda wieqfa madwari tkellimt, sabiex huma jistgħu jemmnu li int bgħattni.” (Ġwann 11:41, 42) Iċ-ċertezza li Missieru kien se jismaʼ dik it-talba tindika l-qawwa tal-fidi tiegħu. Din ir-rabta bejn it-talb lil Alla u l-fidi Fih hija evidenti minn dak li Kristu qal lid-dixxipli: “L-affarijiet kollha li titolbu u tistaqsu għalihom ħa jkollkom fidi li prattikament irċevejtuhom.”—Mark 11:24.
Li kieku Ġesù ma kellux fidi, għala talab lil Alla? It-tagħlim mhux Skritturali tat-Trinità tal-Kristjaneżmu, li Ġesù kien kemm bniedem u kemm Alla fl-istess ħin, jaħbi l-messaġġ tal-Bibbja. Ifixkel lin-nies milli jifhmu s-sempliċità u l-qawwa tal-Bibbja. Il-bniedem Ġesù lil min sejjaħ? Lilu nnifsu? Ma kienx konxju li hu kien Alla? U jekk kien Alla u kien jafu dan, għala talab?
It-talb taʼ Ġesù fl-aħħar jum tal-ħajja tiegħu fuq l-art jagħtina saħansitra dehen iktar profond tal-fidi soda tiegħu f’Missieru tas-sema. Billi wera tama u stennija fiduċjuża, hu talab: “Mela issa int, Missier, igglorifikani maġenbek bil-glorja li kelli maġenbek qabel ma kienet id-dinja.”—Ġwann 17:5.
Billi kien jaf li l-provi l-iktar diffiċli tiegħu u l-mewt tiegħu kienu imminenti, fil-lejl li kien fil-ġnien tal-Ġetsemani fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, “beda jkun imnikket u jkun inkwetat għall-aħħar,” u qal: “Ruħi mnikkta profondament, saħansitra sal-mewt.” (Mattew 26:36-38) Imbagħad niżel għarkobbtejh u talab: “Missier, jekk tixtieq, warrab dan il-kies minni. Madankollu, ħa sseħħ, mhux ir-rieda tiegħi, imma tiegħek.” Imbagħad “anġlu mis-sema deherlu u saħħu.” Alla ta widen għat-talba tiegħu. Minħabba l-intensità taʼ l-emozzjonijiet tiegħu u s-severità tal-prova, “l-għaraq tiegħu sar bħal qtar tad-demm jaqgħu fl-art.”—Luqa 22:42-44.
Is-sofferenzi taʼ Ġesù, il-ħtieġa tiegħu li jiġi msaħħaħ, u s-suppliki tiegħu x’jindikaw? “Ħaġa waħda hija ċerta,” jikteb Jacques Guillet, “Ġesù talab, u t-talb huwa aspett essenzjali minn ħajtu u mill-azzjonijiet tiegħu. Hu talab bħalma jitolbu l-bnedmin, u talab għan-nom tal-bnedmin. Issa, it-talb tal-bnedmin huwa inkonċepibbli mingħajr fidi. Kellu t-talb taʼ Ġesù jkun konċepibbli mingħajr fidi?”
Imdendel fuq iz-zokk tat-tortura ftit qabel mewtu, Ġesù għajjat b’leħen għoli, billi kkwota salm taʼ David. Imbagħad, bil-fidi, b’leħen għoli, għajjat supplika finali: “Missier f’idejk nafda l-ispirtu tiegħi.” (Luqa 23:46; Mattew 27:46) Traduzzjoni Taljana interdenominazzjonali, Parola del Signore, tgħid li Ġesù ‘fada ħajtu’ lill-Missier.
Jacques Guillet jikkummenta: “Billi wrewna lil Kristu msallab, jgħajjat lil Missieru permezz tas-salmi taʼ Iżrael, il-kittieba tal-Vanġelu jikkonvinċuna li dik l-għajta, l-għajta taʼ l-Iben uniġenitu, għajta taʼ dieqa sħiħa, għajta taʼ fiduċja totali, hija għajta taʼ fidi, l-għajta taʼ mewta bil-fidi.”
Iffaċċjati minn din l-evidenza ċara u drammatika taʼ fidi, xi teoloġi jipprovaw jagħmlu distinzjoni bejn il-fidi u l-“fiduċja.” Distinzjoni bħal din, madankollu, m’hijiex ibbażata fuq l-Iskrittura.
Imma l-provi ħorox li ssaporta x’jirrivelaw eżattament dwar il-fidi taʼ Ġesù?
Il-“Perfezzjonatur Tal- Fidi Tagħna” Ipperfezzjonat
Fil-kapitlu 11 taʼ l-ittra tiegħu lill-Ebrej, l-appostlu Pawlu jsemmi l-isħaba kbira taʼ rġiel u nisa leali taʼ qabel Kristu. Hu jikkonkludi, billi jipponta lejn l-eżempju taʼ fidi l-iktar kbir u perfett: “Inħarsu fissi lejn l-Aġent Ewlieni u Perfezzjonatur tal-fidi tagħna, Ġesù. Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu ssaporta zokk tat-tortura, billi stmerr l-għajb . . . Ikkunsidraw mill-qrib lil dak li ssaporta tant kliem kuntrarju minn midinbin kontra l-interessi tagħhom stess, biex ma tgħajjewx u ma ċċedux f’erwieħkom.”—Ebrej 12:1-3.
Il-maġġoranza tat-teoloġi jgħidu li dan il-vers ma jitkellimx dwar “il-fidi persunali taʼ Ġesù” imma, minflok, dwar l-irwol tiegħu bħala “l-inizjatur jew fundatur tal-fidi.” It-terminu Grieg te·lei·o·teś li jinstab f’din il-frażi jirreferi għal xi ħadd li jipperfezzjona, li jwettaq jew jispiċċa xi ħaġa. Bħala l-“Perfezzjonatur,” Ġesù għamel il-fidi kompluta fis-sens li l-miġja tiegħu fuq l-art wettqet il-profeziji tal-Bibbja u b’hekk stabbiliet pedament iktar solidu għall-fidi. Imma jfisser dan li hu ma kellux fidi?
Il-passaġġi mill-ittra lill-Ebrej li int tistaʼ tara fil-kaxxa fuq paġna XX If box is printed, please insert the page number. If not, we recommend that the whole sentence be deleted. ma jħallu l-ebda dubju. Ġesù ġie pperfezzjonat mis-sofferenzi tiegħu u mill-ubbidjenza tiegħu. Għalkemm kien diġà bniedem perfett, l-esperjenzi tiegħu għamluh perfett u komplut fl-affarijiet kollha, saħansitra fil-fidi, sabiex isir ikkwalifikat bis-sħiħ bħala Qassis il-Kbir għas-salvazzjoni taʼ Kristjani veri. Hu ssupplika lil Missieru “b’agħjat qawwi u dmugħ,” kien “leali” lejn Alla, u kellu ‘l-biżaʼ t’Alla.’ (Ebrej 3:1, 2; 5:7-9) Hu ġie “ttestjat fl-aspetti kollha” eżattament “bħalna nfusna,” jgħid Ebrej 4:15, jiġifieri, bħal kwalunkwe Kristjan leali li l-fidi tiegħu tgħaddi minn “diversi provi.” (Ġakbu 1:2, 3) Huwa raġonevoli li temmen li Ġesù setaʼ jiġi mpoġġi taħt prova “bħas”-segwaċi tiegħu mingħajr ma jiġi ttestjat fil-fidi tiegħu bħalhom?
Suppliki, ubbidjenza, sofferenzi, provi, fedeltà, u biżaʼ t’Alla jagħtu xiehda għall-fidi sħiħa taʼ Ġesù. Jindikaw li hu sar il-“Perfezzjonatur tal-fidi tagħna” biss wara li ntgħamel perfett fil-fidi tiegħu stess. B’mod ċar, hu ma kienx Alla l-Iben, kif issostni b’qawwa d-duttrina tat-Trinità.—1 Ġwann 5:5.
Ma Kienx Hu Jemmen Il-Kelma T’Alla?
Id-duttrina tat-Trinità tant tikkondizzjona l-ħsieb tat-teoloġi li jaslu sa l-opinjoni estrema taʼ li jsostnu li Ġesù “ma jistax jemmen il-Kelma t’Alla u l-messaġġ tagħha” għaliex “bħala l-istess Kelma t’Alla, hu jistaʼ biss jipproklama dik il-kelma.”—Angelo Amato, Gesù il Signore, bl-imprimatur ekkleżjastiku.
Madankollu, x’qegħdin tassew juru r-referenzi kontinwi taʼ Ġesù għall-Iskrittura? Meta kien ittantat, ikkwota mill-Iskrittura tliet darbiet. It-tielet tweġiba tiegħu qalet lil Satana li Ġesù qiem lil Alla waħdu. (Mattew 4:4, 7, 10) F’diversi okkażjonijiet Ġesù semma profeziji li applikaw għalih innifsu, billi wera fidi fit-twettieq tagħhom. (Mark 14:21, 27; Luqa 18:31-33; 22:37; qabbel Luqa 9:22; 24:44-46.) Minn dan l-eżami rridu nikkonkludu li Ġesù kien jafha l-Iskrittura mnebbħa minn Missieru, osservaha bil-fidi, u kellu fiduċja sħiħa fit-twettieq tal-profeziji li bassru l-provi, is-sofferenzi, il-mewt, u l-irxoxt tiegħu.
Ġesù, Il-Mudell Taʼ Fidi Li Għandna Nimitaw
Ġesù kellu jiġġieled il-ġlieda tal-fidi sat-tmiem sabiex iżomm il-lealtà lejn Missieru u biex ‘jikkonkwista lid-dinja.’ (Ġwann 16:33) Mingħajr fidi, huwa impossibbli li wieħed jakkwista rebħa bħal din. (Ebrej 11:6; 1 Ġwann 5:4) Minħabba dik il-fidi vittorjuża, hu kien taʼ eżempju għas-segwaċi leali tiegħu. Ċertament li kellu fidi f’dak Alla veru. [w94 10/15]
[Nota taʼ taħt]
a Diskussjoni iktar estensiva tan-nuqqas taʼ bażi għat-tagħlim tat-Trinità tistaʼ tinstab fil-ktejjeb Għandek Int Temmen fit-Trinità?, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kaxxa f’paġna 32]
Ġesù, Il-“Perfezzjonatur,” Ipperfezzjonat
Ebrej 2:10: “Kien jixraq li l-wieħed li għalih l-affarijiet kollha huma u li permezz tiegħu l-affarijiet kollha huma, f’li jġib lil ħafna wlied subjien għall-glorja, biex jagħmel lill-Aġent Ewlieni tas-salvazzjoni tagħhom perfett permezz tas-sofferenzi.”
Ebrej 2:17, 18: “Hu kien obbligat li jsir bħal ‘ħutu’ f’kollox, biex ikun jistaʼ jsir qassis kbir ħanin u leali f’affarijiet li huma t’Alla, sabiex joffri sagrifiċċju propizjatorju għad-dnubiet tan-nies. Għax billi hu nnifsu sofra meta kien qiegħed jiġi ttestjat, hu kapaċi jidħol għal dawk li qegħdin jiġu ttestjati.”
Ebrej 3:2: “Hu kien leali lejn il-Wieħed li għamlu hekk, bħalma Mosè kien ukoll fid-dar kollha taʼ dak il-Wieħed.”
Ebrej 4:15: “Aħna għandna bħala qassis il-kbir, mhux wieħed li ma jistax jissimpatizza mad-djufijiet tagħna, imma wieħed li ġie ttestjat fl-aspetti kollha bħalna nfusna, imma mingħajr dnub.”
Ebrej 5:7-9: “Fil-jiem tal-laħam tiegħu Kristu offra suppliki u wkoll petizzjonijiet lill-Wieħed li setaʼ jsalvah mill-mewt, b’agħjat qawwi u dmugħ, u kien mismugħ favorevolment minħabba l-biżaʼ tiegħu minn Alla. Għalkemm kien Iben, tgħallem l-ubbidjenza mill-affarijiet li sofra; u wara li kien intgħamel perfett sar responsabbli għal salvazzjoni taʼ dejjem.”