LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 6/15 pp. 9-11
  • Żwieġ Tabilħaqq Speċjali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żwieġ Tabilħaqq Speċjali
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Iħejju għall-​Ġrajja
  • Okkażjoni taʼ Ferħ
  • Il-​Ħruxija tal-​Vjaġġ
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 6/15 pp. 9-11

Żwieġ Tabilħaqq Speċjali

FIT-​TRAMUNTANA tal-​Możambik hemm villaġġ fertili mdawwar b’muntanji sbieħ​—xi wħud kollhom blat, oħrajn mgħottijin b’abbundanza taʼ ħxejjex. Hawnhekk jinsab il-​villaġġ taʼ Fíngoè. Matul l-​iljieli ċari tax-​xitwa, is-​sema jleqq bil-​kwiekeb, u l-​qamar tant jiddi li jdawwal id-​djar bis-​soqfa tat-​tiben li hemm fil-​villaġġ. Kien f’din ix-​xêna splendida li seħħ żwieġ speċjali.

Mijiet taʼ nies imxew għal sigħat sħaħ, saħansitra ġranet, biex jattendu għal din l-​okkażjoni speċjali. Xi wħud qasmu reġjuni inospitabbli u perikolużi fejn jgħammru l-​jeni, l-​iljuni, u l-​iljunfanti. Minbarra l-​bagalji persunali, ħafna viżitaturi ġabu magħhom tiġieġ, mogħoż, u ħxejjex. Wara li waslu fil-​villaġġ, marru f’qasam miftuħ li kien jintuża normalment għall-​konvenzjonijiet Kristjani. Għalkemm għajjenin mill-​vjaġġ, huma kienu ferħanin, u l-​uċuħ daħkana tagħhom irriflettew l-​istennija bil-​ħerqa għal dak li kien ġej.

Min kienu dawk li se jiżżewġu? Kienu ħafna! Iva, għexieren taʼ koppji. Dawn ma kinux qed jipparteċipaw f’xi żwieġ sensazzjonali tal-​massa. Għall-​kuntrarju, huma kienu koppji sinċieri u mmotivati sew li qabel ma setgħux jirreġistraw iż-​żwiġijiet tagħhom għax kienu jgħixu f’reġjuni mwarrbin ’il bogħod mill-​uffiċċji tar-​reġistri. Dawn il-​koppji kollha saru konxji dwar il-​livelli divini rigward iż-​żwieġ meta studjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah. Saru jafu li kien jeħtiġilhom li jiżżewġu skond il-​liġijiet tal-​pajjiż biex jogħġbu lill-​Ħallieq tagħhom, l-​Oriġinatur taż-​żwieġ, saħansitra bħalma Ġużeppi u Marija osservaw il-​ħtiġijiet tar-​reġistrazzjoni għall-​ħabta tat-​twelid taʼ Ġesù.—Luqa 2:1-5.

Iħejju għall-​Ġrajja

L-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Możambik iddeċieda li jgħin. L-​ewwel, il-​Ministeri tal-​Ġustizzja u taʼ l-​Intern fil-​kapitali tal-​pajjiż, Maputo, ġew ikkuntattjati biex jiddeterminaw liema proċeduri kienu mitlubin mil-​liġi. Imbagħad, il-​missjunarji fil-​belt kapitali tal-​provinċja taʼ Tete ikkuntattjaw lill-​awtoritajiet lokali biex jikkoordinaw iżjed l-​arranġamenti. Ġiet irranġata ġurnata għall-​missjunarji u l-​uffiċjali tan-​Nutar u mid-​Dipartiment Ċivili taʼ l-​Identifikazzjoni biex jivvjaġġaw lejn il-​villaġġ taʼ Fíngoè. Sadanittant, l-​uffiċċju tal-​fergħa bagħat ittra taʼ spjegazzjoni li kienet tipprovdi istruzzjoni lill-​kongregazzjonijiet kollha involuti. Kemm ix-​Xhieda u kemm l-​uffiċjali lokali ħarsu ’l quddiem bil-​ħerqa għal dik il-​ġrajja unika.

Il-Ħadd, 18 taʼ Mejju, 1997, tliet missjunarji flimkien maʼ l-​uffiċjali tal-​gvern waslu Fíngoè. L-​awtoritajiet lokali kienu ppreparaw akkomodazzjonijiet komdi għall-​uffiċjali u li kienu jmissu mal-​bini taʼ l-​amministrazzjoni. Madankollu, dawk l-​uffiċjali tant kienu impressjonati bl-​ospitalità tax-​Xhieda taʼ Jehovah li ppreferew joqogħdu mal-​missjunarji fl-​għerejjex maħdumin dak il-​ħin. Huma stagħġbu meta saru jafu li wieħed mill-​kokijiet kien anzjan fil-​kongregazzjoni lokali u li indokratur li jivvjaġġa kien fost dawk il-​volontiera li kienu qed jagħmlu l-​iktar faċendi umli biex iħejju għaż-​żwieġ. Huma wkoll innotaw is-​sens t’umoriżmu tal-​missjunarji, li, mingħajr tgergir, kienu jgħammru ġo għarix sempliċi u kienu jinħaslu bl-​ilma minn ġo landa żgħira. Qatt qabel ma kienu raw unjoni qawwija bħal dik bejn nies taʼ sfondi daqshekk diversi. Madankollu, l-​iktar li impressjonathom kienet il-​fidi li wrew f’li jagħmlu sagrifiċċji kbar biex jiġu fi qbil mal-​liġi tal-​pajjiż u maʼ l-​arranġament t’Alla.

Okkażjoni taʼ Ferħ

Hekk kif il-​koppji waslu, minnufih ippreparaw għall-​ewwel pass taż-​żwieġ: li jakkwistaw ċertifikat tat-​twelid. Kollha stennew bil-​paċenzja fil-​kju quddiem it-​tim tar-​Reġistru Ċivili biex jipprovdu l-​istatistika persunali tagħhom. Imbagħad marru fi kju ieħor biex jiħdulhom ritratt, u wara marru għand it-​tim tad-​Dipartiment Ċivili taʼ l-​Identifikazzjoni biex jakkwistaw il-​karti taʼ l-​identità tagħhom. Imbagħad, reġgħu marru għand it-​tim tar-​Reġistru Ċivili għat-​tħejjija taċ-​ċertifikat taż-​żwieġ li tant kien mixtieq. Wara dan, qagħdu jistennew bil-​paċenzja li jgħajtulhom isimhom bil-​megafonu. It-​tqassim taċ-​ċertifikati taż-​żwieġ kien xêna emozzjonali. Kien hemm ferħ kbir hekk kif kull koppja għolliet iċ-​ċertifikat taż-​żwieġ tagħha bħal xi trofew prezzjuż.

Dan kollu seħħ taħt ix-​xemx tisreġ. Madankollu, il-​ferħ taʼ l-​okkażjoni ma ġiex imfixkel mis-​sħana u t-​trab.

L-irġiel kienu libsin eleganti, ħafna minnhom bil-​ġlekkijiet u l-​ingravati. In-​nisa kienu libsin b’mod tradizzjonali, li kien jinkludi biċċa drapp twila u mżewqa bil-​kuluri madwar qaddhom, imsejħa capulana. Xi wħud ġarrew it-​trabi mkebbin fi drapp simili.

L-affarijiet imxew sew, imma kien hemm wisq koppji biex jiżżewġu f’ġurnata waħda. Meta dalam, l-​uffiċjali tal-​gvern bi pjaċir iddeċidew li jkomplu jagħtu s-​servizz lill-​koppji. Huma kkummentaw li ma ridux iħallu lil “ħutna” jistennew wara li dawn kienu għamlu sagrifiċċju tant kbir biex ikunu hemm. Dan l-​ispirtu taʼ kooperazzjoni u taʼ li wieħed jissagrifika lilu nnifsu se jibqgħu jiftakruh għal dejjem.

Bil-lejl waqgħet kesħa kbira. Waqt li ftit minnhom kienu qed joqogħdu ġo l-​għerejjex, il-​biċċa l-​kbira tal-​koppji kienu barra, imgezzin madwar in-​nar. Dan ma naqqasx il-​ferħ taʼ l-​okkażjoni. L-​għajat taʼ daħk u kant, kantat f’armonija t’erbaʼ partijiet, kien jisboq il-​ħoss taċ-​ċaqċiq tan-​nar. Ħafna rrakkontaw l-​istejjer tal-​vjaġġ tagħhom, waqt li żammew f’idejhom id-​dokumenti li kienu għadhom kemm akkwistaw.

Malli sebaħ xi wħud issograw li jmorru fiċ-​ċentru tal-​villaġġ biex ibigħu t-​tiġieġ, il-​mogħoż, u l-​ħxejjex tagħhom biex jgħinuhom iħallsu l-​ispiża tar-​reġistrar taż-​żwiġijiet tagħhom. Ħafna verament għamlu “sagrifiċċji” minn dawk l-​annimali, billi biegħuhom ħafna inqas mill-​valur veru tagħhom. Għan-​nies foqra, mogħża hija annimal prezzjuż li jiswa l-​flus; madankollu, huma kienu lesti li jagħmlu dan is-​sagrifiċċju biex jiżżewġu u jogħġbu lill-​Ħallieq tagħhom.

Il-​Ħruxija tal-​Vjaġġ

Ftit mill-​koppji kienu mxew għal distanzi twal biex ikunu hemm. Dan kien il-​każ taʼ Chamboko u martu, Nhakulira. Huma rrakkontaw l-​istorja tagħhom fit-​tieni lejl tal-​ġrajja waqt li kienu qed isaħħnu saqajhom quddiem in-​nar. Għalkemm kellu 77 sena, kien għami minn għajn waħda u b’vista dgħajfa fl-​oħra, Chamboko mexa ħafi għal tlett ijiem flimkien mal-​kumplament tal-​kongregazzjoni tiegħu, għax kien iddeterminat li jillegalizza l-​unjoni tiegħu taʼ 52 sena.

Anselmo Kembo, taʼ 72 sena, kien ilu diġà jgħix maʼ Neri għal madwar 50 sena. Ftit ġranet qabel il-​vjaġġ, hu niggeż serjament siequ b’xewka kbira waqt li kien qed jikkultiva l-​mixtla tiegħu. Ittieħed malajr fl-​eqreb sptar għall-​kura. Minkejja dan, iddeċieda li jagħmel il-​vjaġġ bil-​mixi, waqt li kien izappap bl-​uġigħ fi triqtu lejn Fíngoè. Il-​vjaġġ ħadlu tlett ijiem. Anselmo ma setax iżomm il-​ferħ tiegħu hekk kif żamm iċ-​ċertifikat taż-​żwieġ f’idejh.

Raġel ieħor taʼ min jinnotah li kien għadu kemm iżżewweġ kien Evans Sinóia, li qabel kien poligamu. Meta sar jaf bil-​verità tal-​Kelma t’Alla, iddeċieda li jillegalizza l-​unjoni tiegħu maʼ l-​ewwel mara li kellu, imma hi rrifjutat, billi abbandunatu għal raġel ieħor. It-​tieni mara tiegħu, li wkoll kienet qed tistudja l-​Bibbja, qablet li tiżżewġu. It-​tnejn li huma mxew minn reġjun perikoluż mgħammar mill-​iljuni u annimali salvaġġi oħrajn. Wara vjaġġ taʼ tlett ijiem, huma wkoll irnexxielhom li jkunu miżżewġin legalment.

Il-Ġimgħa, ħamest ijiem wara li kienu waslu l-​missjunarji u l-​uffiċjali, ix-​xogħol tlesta. Ir-​riżultat kien li nħarġu 468 karta taʼ l-​identità u 374 ċertifikat tat-​twelid. In-​numru taʼ ċertifikati taż-​żwieġ li nħarġu kien taʼ 233! L-​atmosfera kienet waħda taʼ hena kbir. Minkejja l-​għeja kbira, kollha qablu li kien vallapena. Mingħajr ebda dubju, dik l-​okkażjoni se tibqaʼ mmarkata b’mod li ma tistax titħassar fl-​imħuħ u fil-​qlub taʼ dawk kollha involuti. Kien tabilħaqq żwieġ speċjali!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja