Aħna Minn Dawk Li Għandhom Fidi
Jippridkaw is-Saltna fuq l-Altiplano fil-Perù
L-ALTIPLANO jinsab bejn il-Muntanji Andes, fejn jiltaqgħu flimkien il-Bolivja u l-Perù. L-isem ifisser “wita għolja,” jew “medda t’art għolja u ċatta.” Fil-biċċa l-kbira, l-Altiplano jagħmel parti mill-Bolivja.
L-Altiplano, b’100 kilometru wisaʼ u iktar minn 1,000 kilometru tul, qiegħed f’għoli taʼ madwar 3,700 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Meta tkun sejjer hemmhekk bl-ajruplan u titlaq minn Lima, il-belt kapitali li tinsab mal-kosta tal-Perù, tgħaddi minn fuq El Misti, vulkan miksi bis-silġ. Dan jixref ’il fuq mis-sħab f’għoli taʼ 5,822 metru. Fil-bogħod, tistaʼ tara l-qċaċet miksijin bis-silġ taʼ Nevado Ampato u Nevado Coropuna, li jibqgħu telgħin sa 6,000 metru. Imbagħad, f’daqqa waħda, tfeġġ pjanura vasta—in-naħa t’isfel taʼ l-Altiplano Peruvjan.
Il-belt kapitali taʼ l-Altiplano Peruvjan hija Puno, li qegħda fuq in-naħa tal-majjistral taʼ Lake Titicaca. Dan huwa l-iktar lag li qiegħed fl-għoli fid-dinja u li jistgħu jbaħħru fih. Minħabba li din il-parti qegħda f’għoli taʼ iktar minn 3 kilometri, min iżur il-post irid jieħu daqsxejn taż-żmien biex jidra l-arja ħafifa u safja t’hemmhekk. Ħdejn Lake Titicaca jgħixu l-Indjani Quechua u Aymara, li nistgħu narawhom jaħdmu fl-irziezet żgħar tagħhom, jew chacras, libsin ilbies kulurit bl-aħmar, bl-aħdar, jew bil-blu. Għalkemm l-Ispanjol huwa l-lingwa ewlenija tal-Perù, fuq l-Altiplano jitkellmu wkoll bil-lingwi Quechua u Aymara.
Ix-Xogħol taʼ l-Ippridkar Jieħu Spinta ’l Quddiem
Dan l-aħħar, ħafna min-nies umli u ħabrieka li jitkellmu bil-Quechua u Aymara ħadu għarfien eżatt tal-verità tal-Bibbja. Dan ċertament juri li Jehovah bierek bil-kbir l-isforzi tal-proklamaturi żelużi tas-Saltna li jaqdu full-time bħala pijunieri speċjali.
Per eżempju, José u Silvia li huma pijunieri speċjali, ġew inkarigati biex jaqdu fil-belt taʼ Putina, madwar 50 kilometru ’l bogħod minn Lake Titicaca. F’xahrejn, Silvia kienet qed tikkonduċi 16-il studju tal-Bibbja fid-djar, u José 14. F’sitt xhur biss, in-numru taʼ pubblikaturi fil-kongregazzjoni żdied minn 23 għal 41. Sadattant, l-attendenza għal-laqgħat telgħet minn 48 għal quċċata taʼ 132 ruħ.
“Aħna sibna,” jgħid José, “li meta jibdew isiru l-laqgħat tal-kongregazzjoni f’dawn il-komunitajiet iżolati, huwa iktar prattiku li nibdew bil-Laqgħa Pubblika u l-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni. Dan jagħmilha eħfef għal uħud ġodda li jkunu interessati biex jibdew jattendu l-laqgħat.”
F’Muñani, komunità iżolata madwar 20 kilometru ’l bogħod minn Putina, l-aħbar tajba twasslet għall-ewwel darba minn żewġ aħwa nisa, li waħda minnhom kienet pijuniera. Hemmhekk, huma bdew studju tal-Bibbja maʼ wieħed raġel agħma jismu Lucio.a Dan stieden lil ħuh, Miguel, li kien missjunarju Kattoliku lajk u mexxej taʼ waħda mill-komunitajiet fil-viċin. Meta l-ħabib taʼ Miguel staqsieh għala kien qed imur Muñani kull ġimgħa, dan wieġbu li hemmhekk kien qed jitgħallem dwar Jehovah u l-Kelma tiegħu. Imbagħad qamet il-mistoqsija: “Għala ma nistudjawx il-Bibbja hawnhekk stess?” Minħabba l-interess li wrew in-nies fil-komunità taʼ Miguel, ix-Xhieda rranġaw biex fi żmien qasir jibdew isiru l-laqgħat f’dak il-post.
Miguel beda jaqsam dak li kien qed jitgħallem m’oħrajn. Imma x’kien se jagħmel dwar il-pożizzjoni tiegħu bħala missjunarju Kattoliku lajk u viċi-gvernatur? F’waħda mil-laqgħat tal-komunità, hu ħabbar li kien se jirriżenja minn missjunarju Kattoliku. Kien issa se jinħatar xi ħaddieħor floku? Wieħed fl-udjenza qal: “Xi bżonn għandna taʼ missjunarju ieħor meta qegħdin nitgħallmu l-verità?” M’għandniex xi ngħidu, din kienet referenza għat-tagħlim tax-Xhieda taʼ Jehovah. Xi ħaddieħor żied: “Ma naqblux li tirriżenja int biss. Għala ma nirriżenjawx aħna lkoll?” L-udjenza kollha għajtet flimkien: “Aħna lkoll nirriżenjaw!”
Wara ftit taż-żmien, f’laqgħa oħra tal-komunità, ġew diskussi l-idoli u l-kurċifissi. Wieħed raġel staqsa lil kulmin kien preżenti biex jaqra Dewteronomju 7:25, li jgħid: “Ix-xbihat taʼ l-allat tagħhom taħraqhom bin-nar, la tiklibx għall-fidda u d-deheb taʼ fuqhom u teħodhom għalik, inkella taqaʼ fix-xibka, għax dawk il-ħwejjeġ jistkerrahhom il-Mulej, Alla tiegħek.”
Ir-raġel imbagħad staqsa lil kulmin kien jaqbel li jaħarqu l-idoli biex jgħolli idu. Kulħadd għolla idu mill-ewwel. (Atti 19:19, 20) Issa, mill-25 familja fil-komunità hemm 23 li qed jistudjaw il-Kelma t’Alla. Żewġ persuni qed jaqdu bħala pubblikaturi mhux mgħammdin, u ħames koppji qed jippjanaw biex jagħmlu ż-żwieġ tagħhom legali biex ikollhom waqfa nadifa quddiem Jehovah.—Titu 3:1; Lhud 13:4.
Jgħallmu b’Kasett Rikordings
Fuq l-Altiplano hemm ħafna nies li la jafu jaqraw u lanqas jiktbu. Għalhekk, il-vidjos tal-Watch Tower kif ukoll il-kasett rikordings bil-lingwi lokali huma t’għajnuna kbira, anki biex isiru studji tal-Bibbja fid-djar. Billi tuża awdjo kasett, waħda pijuniera speċjali jisimha Dora tikkonduċi studji bil-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? Hi ssemmaʼ lill-istudent tal-Bibbja paragrafu wieħed, imbagħad tistaqsi xi mistoqsijiet fuq dak l-istess materjal.
Stazzjon tar-radju lokali jxandar regolarment partijiet mill-browxer X’Jirrikjedi bil-lingwa Quechua kif ukoll partijiet mir-rivista Stenbaħ! bl-Ispanjol. Għaldaqstant, ħafna nies jagħrfu l-messaġġ tas-Saltna u jkunu jridu jitgħallmu iktar meta x-Xhieda taʼ Jehovah jmorru jħabbtulhom.
L-Altiplano huwa maqtugħ għalih mill-biċċa l-kbira tad-dinja imma mhux għal Alla. Grazzi għall-imħabba li Jehovah għandu għall-bnedmin, ħafna nies li jgħixu fl-għoli fuq l-Altiplano fl-Andes qed isiru parti mill-ġemgħa kbira li qed tigglorifika d-dar maestuża tiegħu taʼ qima pura.—Ħaggaj 2:7.
[Nota taʼ taħt]
a F’dan l-artiklu, xi ismijiet ġew mibdulin.