LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 12/15 pp. 8-11
  • Aħbar Tajba taʼ Paċi Tasal fir-Reġjuni Muntanjużi taʼ Chiapas

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Aħbar Tajba taʼ Paċi Tasal fir-Reġjuni Muntanjużi taʼ Chiapas
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • “Jien Wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah”
  • “Jehovah Saħħaħna”
  • Ix-​Xogħol taʼ l-​Ippridkar Irendi l-​Frott
  • Apprezzament għall-​Ikel Spiritwali
  • Naraw il-​Lat Pożittiv
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 12/15 pp. 8-11

Aħbar Tajba taʼ Paċi Tasal fir-​Reġjuni Muntanjużi taʼ Chiapas

“Fl-​agħar massakru li qatt seħħ fl-​istat taʼ Chiapas, 45 raħħal mhux armat, li 13 minnhom kienu tfal, inqatlu minn grupp taʼ . . . rġiel armati u b’wiċċhom mgħammad.” Hekk irrapportat il-​gazzetta “El Universal” fuq dak li ġara f’Acteal, l-​Istat taʼ Chiapas, fit-​22 taʼ Diċembru, 1997.

CHIAPAS huwa stat fin-​nofsinhar tal-​Messiku u jmiss mal-​Gwatemala. Wara żmien twil taʼ faqar u nuqqas taʼ neċessitajiet tal-​ħajja, grupp lokali taʼ Indjani Maja qajmu rewwixta f’Jannar taʼ l-​1994, taħt l-​isem taʼ Ejército Zapatista de Liberación Nacional (EZLN, National Liberation Zapatista Army [l-Armata Zapatista għal-​Liberazzjoni Nazzjonali]). In-​negozjati għal soluzzjoni paċifika ħadu fit-​tul ħafna. L-​assalti u l-​attakki, kemm mir-​ribelli u kemm mit-​truppi tal-​gvern, irriżultaw f’ħafna tixrid taʼ demm u mwiet. Il-​ġlied ġiegħel lil ħafna mir-​raħħala jaħarbu minn dawk l-​inħawi għal postijiet iżjed trankwilli.

F’nofs dan it-​taqlib kollu, hemm grupp wieħed taʼ nies li jħobbu l-​paċi. Dawn baqgħu newtrali f’din it-​taqbida politika. B’mod żeluż, huma jiġbdu l-​attenzjoni lejn is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama biex jintemmu l-​problemi li qed jiffaċċjaw in-​nies, kemm lokalment u kemm globalment. (Danjel 2:44) Min huma dawn in-​nies? Ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Billi jobdu l-​kmand taʼ Ġesù, huma qed jaħdmu iebes biex iwasslu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla fl-​iżjed postijiet iżolati tar-​reġjuni muntanjużi taʼ Chiapas. (Mattew 24:14) Kif ħassewhom huma u jippridkaw taħt dawn iċ-​ċirkustanzi, u x’kienu r-​riżultati?

“Jien Wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah”

Darba waħda Adolfo, żagħżugħ li ma kienx ilu ħafna li sar pubblikatur tas-​Saltna, kien qed jaħdem fi stazzjon tar-​radju ġewwa Ocosingo. F’daqqa waħda, semaʼ taħbita kbira fuq il-​bieb. Grupp taʼ rġiel b’wiċċhom mgħammad daħlu fuqu u ppontawlu senter maʼ rasu. Huma taw is-​salt, ħatfu l-​apparat li jintuża biex jiġu trasmessi l-​programmi, u ħabbru fuq ir-​radju li kienu ddikjaraw gwerra kontra l-​gvern.

Hekk kif daru fuq Adolfo, dawn l-​irġiel ordnawlu biex jingħaqad mal-​moviment tagħhom. “Jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah,” wieġeb Adolfo, għalkemm kien għadu ma tgħammidx. Hu spjegalhom li l-​unika tama għall-​paċi kienet is-​Saltna t’Alla, u rrifjuta b’mod sod l-​uniformi u s-​senter li offrewlu. Meta raw il-​waqfa soda tiegħu ħallewh jitlaq. Meta jiftakar f’dak kollu li ġara, Adolfo jgħid: “Dak li ġrali tassew li saħħaħli l-​fidi.”

Bil-mod il-​mod is-​sitwazzjoni marret għall-​aħjar, imma ż-​żona xorta waħda kienet għadha taħt il-​kontroll militari. Minkejja dan, Adolfo aċċetta minn qalbu l-​istedina taʼ l-​anzjani tal-​kongregazzjoni lokali biex jaħdem maʼ grupp iżolat taʼ Kristjani f’dawk l-​inħawi. F’kull post taʼ identifikazzjoni li kellu jgħaddi minnu, is-​suldati wrewh rispett meta kien jidentifika ruħu bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Iktar tard tgħammed u kellu l-​pjaċir jgħin lil dak il-​grupp iżolat isir kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. “Issa li tgħammidt,” stqarr Adolfo, “nistaʼ ngħid bil-​konvinzjoni kollha li jien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah!”

“Jehovah Saħħaħna”

Fi żmien qasir wara li l-​EZLN iddikjarat gwerra kontra l-​gvern fuq ir-​radju, in-​nies tal-​belt ħarbu. Francisco, li huwa ministru full-time, jew pijunier, spjega kif Jehovah saħħaħ kemm lilu kif ukoll lil martu f’dak kollu li għaddew minnu.

“Aħna ddeċidejna li nsibu refuġju f’post li kien madwar tliet sigħat mixi ’l bogħod. Hemmhekk kien hemm kongregazzjoni, u għalhekk stajna nkunu maʼ l-​aħwa. Ftit wara waslet l-​assemblea tas-​circuit li kellha tinżamm f’Palenque. Jien u marti ma ridniex nitilfu l-​laqgħa speċjali għall-​pijunieri, imma sirna nafu li t-​triq li kellna ngħaddu minnha biex immorru l-​assemblea kienet imblokkata mill-​EZLN. Iddeċidejna li ngħaddu mill-​ġungla, u domna mexjin disaʼ sigħat. Wasalna fil-​ħin biex nattendu kemm il-​laqgħa tal-​pijunieri, li bbenefikajna ħafna minnha, kif ukoll il-​programm kollu taʼ l-​assemblea.

“Kif wasalna lura sibna li d-​dar tagħna kienet ġiet maħruqa u l-​annimali tagħna kienu nsterqu. Kulma kien fadlilna kien basket żgħir bil-​ħwejjeġ. Iddispjaċiena għal dak li tlifna, imma l-​aħwa f’ Ocosingo wrew ħniena magħna u laqgħuna f’darhom. Huma għallmuna wkoll kif nagħmlu ċerti xogħlijiet li, bħala bdiewa, qatt ma konna għamilniehom qabel. Ħu minnhom għallimni kif nieħu r-​ritratti, u ieħor għallimni kif insewwi ż-​żraben. B’dan il-​mod jien u marti stajna mmantnu lilna nfusna sal-​lum, mingħajr ma kellna għalfejn nieqfu mix-​xogħol taʼ pijunier. Meta naħsbu fuq dak li għaddejna minnu, nistgħu naraw li għalkemm ma kienx faċli għalina li nissaportu, Jehovah saħħaħna.”

Ix-​Xogħol taʼ l-​Ippridkar Irendi l-​Frott

Ix-​Xhieda fl-​Istat taʼ Chiapas ma ħallewx it-​tbatija u l-​periklu jżommuhom lura milli jagħmlu sforz speċjali biex iwasslu l-​aħbar tajba lin-​nies taʼ pajjiżhom. Per eżempju, f’April u f’Mejju taʼ l-​1995, ngħaqdu maʼ ħuthom il-​Kristjani madwar id-​dinja kollha f’kampanja biex iqassmu l-​fuljett Aħbar tas-​Saltna Nru. 34, li kellu t-​titlu xieraq Għala Hija l-​Ħajja Daqshekk Mimlija Problemi?

Waqt li kien qed jieħu sehem f’din il-​kampanja f’post imsejjaħ Pueblo Nuevo, Ciro, pijunier regulari, sab familja li wriet interess. Meta mar lura tlett ijiem wara, hu rnexxielu jibda studju tal-​Bibbja magħhom. Imma meta Ciro u ħu ieħor reġgħu marru għand din il-​familja biex ikomplu l-​istudju, il-​missier ma kienx id-​dar. Minflok, sabu grupp taʼ rġiel b’wiċċhom mgħammad li kienu qed jistennewh biex joqtluh. Huma staqsew lil Ciro u lil sieħbu x’riedu u heddew li joqtluhom. Wara li qalu talba f’qalbhom, iż-​żewġ Kristjani għamlu l-​ħila u spjegaw li huma kienu ġew biex jgħallmu t-​tagħlim tal-​Bibbja lil dik il-​familja. Għal dan, l-​irġiel b’wiċċhom mgħammad ħallewhom jitilqu. Għal xi raġuni, il-​missier taʼ dik il-​familja ma reġax lura d-​dar dakinhar.

Darba minnhom, kważi tliet snin wara, Ciro kellu sorpriża sabiħa meta dan ir-​raġel ġie għandu d-​dar. Kemm feraħ Ciro meta sar jaf li l-​familja kollha kienet tgħammdet u li kienet qed taqdi f’kongregazzjoni ġewwa l-​Gwatemala! Saħansitra waħda mit-​tfal tagħhom kienet qed isservi bħala pijuniera regulari.

Apprezzament għall-​Ikel Spiritwali

Minkejja t-​tbatija kontinwa f’Chiapas, l-​indokratur tad-​distrett jirrapporta li x-​Xhieda tal-​lokal verament japprezzaw l-​importanza taʼ li jiltaqgħu flimkien. (Lhud 10:​24, 25) Hu jirrakkonta x’ġara reċentement f’jum t’assemblea speċjali. L-​assemblea kellha tibda kmieni fil-​għodu, sabiex dawk li jattendu setgħu jerġgħu lura lejn djarhom waqt li jkun għadu d-​dawl, u b’hekk jevitaw il-​periklu. Avolja ħafna minnhom kellhom iżjed minn tliet sigħat mixi fil-​ġungla biex jaslu għall-​assemblea, kulħadd kien bil-​qegħda f’postu mas–7:00 taʼ fil-​għodu. Fost l-​udjenza kien hemm sitt membri taʼ l-​EZLN, li kienu qed jisimgħu u jċapċpu, u dehru li kienu qed jieħdu gost bil-​programm. Huma wkoll kienu mxew tliet sigħat biex jattendu għall-​assemblea. Għoxrin minnhom ġew ukoll għall-​Mafkar tal-​mewt taʼ Kristu, li nżamm f’Sala tas-​Saltna lokali.

Żagħżugħ ieħor li kien membru taʼ dan il-​moviment tal-​gwerilli ġie inkarigat biex jagħmel ronda f’parti partikulari tal-​ġungla. F’dan il-​lokal il-​maġġuranza taċ-​ċittadini kienu Xhieda taʼ Jehovah. Kif wasal hemmhekk sab li kulħadd kien ħarab. Għalhekk qabad u daħal f’waħda mid-​djar abbandunati. Billi ma tantx kellu x’jagħmel, beda jaqra xi kotba li kien hemm f’dik id-​dar. Dawn inzertaw li kienu pubblikazzjonijiet tal-​Watch Tower li ħallew warajhom ix-​Xhieda. Peress li kien waħdu, iż-​żagħżugħ kellu ħin biżżejjed biex jimmedita fuq dak li kien qed jaqra. Iddeċieda li kellu jbiddel ħajtu u ma jużax iktar l-​armi. Għalhekk malajr kemm jistaʼ jkun, sab lix-​Xhieda u beda studju tal-​Bibbja. Sa sitt xhur wara, beda jgħid lil oħrajn bl-​aħbar tajba. Hu u tliet membri oħra tal-​familja tiegħu, li qabel kienu jaqblu mal-​moviment tal-​gwerilli, issa huma Kristjani mgħammdin.

Naraw il-​Lat Pożittiv

Għalkemm il-​konflitt ġab ħafna tbatija, dan attwalment kellu influwenza pożittiva fuq il-​ħarsa tan-​nies lejn ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Anzjan fl-​istess belt fejn beda l-​inkwiet jgħid: “Xi ħamest ijiem wara li beda l-​ġlied, organizzajna x-​xogħol taʼ l-​ippridkar kemm fil-​belt kif ukoll fl-​inħawi taʼ madwarha. In-​nies kienu ħerqanin li jisimgħuna. Ħallejna ħafna letteratura Biblika u bdejna numru taʼ studji tal-​Bibbja. F’post wieħed, fejn qabel ħafna kienu jopponu l-​verità, issa minħabba l-​inkwiet qed jisimgħuna, jistudjaw il-​Bibbja, u jattendu l-​laqgħat u l-​assembleat.”

L-aħwa huma kuntenti li rnexxielhom jibqgħu għaddejjin bl-​attivitajiet teokratiċi tagħhom minkejja t-​taqlib kbir li kellhom. Huma jkomplu jissaħħu spiritwalment permezz taʼ l-​assembleat li jorganizzaw, u dan jagħmluh bl-​approvazzjoni kemm tal-​gvern u kemm taʼ l-​EZLN. Iż-​żjajjar mill-​indokraturi li jivvjaġġaw ukoll tawhom spinta qawwija biex ikomplu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Taʼ interess, saħansitra dawk li kienu mdaħħlin fil-​ġlied taʼ spiss jinkuraġġixxu u jħeġġu lix-​Xhieda biex ma jiqfux mix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħhom.

Għalkemm il-​provi u t-​tbatijiet li kellhom jgħaddu minnhom in-​nies ġewwa Chiapas battew xi ftit maż-​żmien, dawn għadhom ma spiċċawx għalkollox. Minkejja dan, ħaġa waħda hi ċerta—ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma determinati li jkomplu mingħajr waqfien bl-​isforzi tagħhom biex iwasslu lin-​nies l-​aħbar tajba taʼ paċi mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. (Atti 10:​34-36; Efesin 6:15) Huma jirrikonoxxu li bħalma poġġieha l-​profeta Ġeremija, “triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jidderieġi l-​passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Is-​Saltna t’Alla biss, immexxija minn Ibnu, Ġesù Kristu, tistaʼ ttemm il-​problemi taʼ l-​inġustizzja u l-​faqar fid-​dinja.—Mattew 6:10.

[Mappa f’paġna 9]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Il-​Golf tal-​Messiku

CHIAPAS

GWATEMALA

L-​Oċean Paċifiku

[Sors taʼ l-​istampa]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Stampa f’paġna 9]

Ix-​Xhieda jieħdu sehem fil-​ministeru fir-​reġjuni muntanjużi taʼ Chiapas

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja