LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 6/15 pp. 13-17
  • L-Ippridkar Fejn il-Kristjanità tal-Bidu Darba Kienet Tiffjorixxi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Ippridkar Fejn il-Kristjanità tal-Bidu Darba Kienet Tiffjorixxi
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Bidu Skuraġġanti
  • Progress taʼ l-​Għaġeb
  • L-​Ippridkar b’Ħafna Lingwi
  • Dawk Neqsin mis-​Smigħ “Jisimgħu” l-​Aħbar Tajba
  • L-​Aħbar Tajba Pridkata lill-​Ħabsin
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 6/15 pp. 13-17

L-​Ippridkar Fejn il-​Kristjanità tal-​Bidu Darba Kienet Tiffjorixxi

L-​ITALJA, il-​peniżola b’forma taʼ żarbuna li tixref għal fuq il-​Baħar Mediterran, kienet il-​post li fiha saru ġrajjiet reliġjużi u kulturali li influwenzaw l-​istorja tad-​dinja. Hi bħal kalamita li tattira lil miljuni taʼ turisti minħabba s-​sbuħija fil-​varjetà tal-​pajsaġġi, l-​arti famuża, u l-​ikel delizzjuż tagħha. Hija wkoll pajjiż fejn l-​edukazzjoni tal-​Bibbja tiffjorixxi.

X’aktarx li l-​Kristjanità vera l-​ewwel waslet Ruma—il-​belt kapitali taʼ l-​imperu taʼ dak iż-​żmien​—meta l-​Lhud u l-​proseliti li kienu saru Kristjani f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K. marru lura d-​dar minn Ġerusalemm. Madwar is-​sena 59 E.K., l-​appostlu Pawlu żar l-​Italja għall-​ewwel darba. F’Putijoli, li tinsab ħdejn il-​baħar, ‘sabu aħwa’ fil-​fidi.​—Atti 2:​5-11; 28:​11-16.

Kif bassru Ġesù u l-​appostli, qabel it-​tmiem taʼ l-​ewwel seklu E.K., bil-​mod il-​mod l-​apostasija bdiet ħierġa mill-​Kristjanità vera. Madankollu, qabel it-​tmiem taʼ din is-​sistema dinjija, id-​dixxipli veri taʼ Ġesù mexxew ’il quddiem ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba madwar id-​dinja​—inkluż l-​Italja.​—Mattew 13:​36-43; Atti 20:​29, 30; 2 Tessalonikin 2:​3-8; 2 Pietru 2:​1-3.

Bidu Skuraġġanti

Fl-​1891, Charles Taze Russell, li kien qed jieħu t-​tmexxija fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja (bħalma kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-​żmien), żar xi bliet Taljani għall-​ewwel darba. Hu kellu jammetti li r-​riżultati tal-​ministeru ma tantx kienu promettenti: “Ma rajna xejn li inkuraġġiena nittamaw li kien se jkun hemm xi ħsad fl-​Italja.” Fir-​rebbiegħa taʼ l-​1910, Ħuna Russell reġaʼ żar l-​Italja u ta taħdita mill-​Bibbja f’liċeo fiċ-​ċentru taʼ Ruma. X’kien ir-​riżultat? “Meta tqis kollox,” qal hu, “il-​laqgħa kienet taʼ diżappunt.”

Fil-fatt, għal xi żmien il-​progress tax-​xogħol taʼ l-​aħbar tajba fl-​Italja kien qed isir bil-​mod, raġuni waħda kienet li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu persegwitati mid-​dittatorjat Faxxist. Matul dan iż-​żmien, ma kienx hemm iktar minn 150 Xhud taʼ Ġeħova fil-​pajjiż, li ħafna minnhom tgħallmu l-​verità tal-​Bibbja minn xi qraba jew ħbieb li kienu jgħixu f’pajjiżi barranin.

Progress taʼ l-​Għaġeb

Wara t-​tieni gwerra dinjija, numru taʼ missjunarji ntbagħtu l-​Italja. Imma kif urew xi ittri li nstabu fl-​arkivji taʼ l-​Istat, xi individwi taʼ pożizzjoni għolja fil-​ġerarkija tal-​Vatikan staqsew lill-​gvern biex ikeċċu lill-​missjunarji. Il-​missjunarji, ħlief għal xi wħud, ġew imġagħlin jitilqu mill-​pajjiż.

Minkejja l-​ostakli, folol fl-​Italja bdew jiġru lejn “l-​għolja” tal-​qima taʼ Ġeħova. (Isaija 2:​2-4) Iż-​żjieda tax-​Xhieda kienet impressjonati. L-​attendenza fis-​sena 2004 laħqet quċċata taʼ 233,527 pubblikatur taʼ l-​aħbar tajba, 1 għal kull 248 abitant, u 433,242 attendew it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu. Kien hemm 3,049 kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Ġeħova li ltaqgħu fi Swali tas-​Saltna komdi. Reċentement, parti partikulari mill-​popolazzjoni gawdiet tkabbir konsiderevoli.

L-​Ippridkar b’Ħafna Lingwi

Ħafna immigranti mill-​Afrika, l-​Asja, u lEwropa tal-​Lvant imorru l-​Italja sabiex isibu xogħol jew ħajja aħjar jew, f’xi każi, biex jaħarbu sitwazzjonijiet traġiċi. Dawn il-​miljuni taʼ nies kif jistgħu jiġu megħjuna spiritwalment?

Ħafna Xhieda fl-​Italja aċċettaw l-​isfida taʼ li jitgħallmu lingwi diffiċli bħall-​Albaniż, l-​Amariku, il-​Bengali, iċ-​Ċiniż, l-​Għarbi, il-​Punġabi, is-​Sinhala, u t-​Tagalog. B’seħħ mis-​sena 2001, bdew jingħataw lezzjonijiet tal-​lingwi sabiex jgħallmu lil dawk li jixtiequ jagħtu xiehda b’lingwi barranin. Matul dawn l-​aħħar tliet snin, 3,711-il Xhud attendew 79 kors miżmumin bi 17-il lingwa differenti. Dan għamilha possibbli biex jifformaw u jsaħħu 146 kongregazzjoni u 274 grupp b’25 lingwa differenti. Ħafna wħud sinċieri semgħu l-​aħbar tajba u bdew jistudjaw il-​Bibbja. Ħafna drabi r-​riżultati huma taʼ l-​għaġeb.

Ministru tax-​Xhieda taʼ Ġeħova tkellem maʼ George dwar il-​Bibbja, raġel mill-​Indja li jitkellem bil-​Malayalam. Minkejja li għandu problemi kbar minħabba x-​xogħol, George aċċetta bil-​ferħ studju tal-​Bibbja. Ftit tal-​jiem wara, Gil, ħabib taʼ George li huwa Indjan u li jitkellem bil-​Punġabi, mar is-​Sala tas-​Saltna u nbeda studju tal-​Bibbja miegħu. Gil introduċa lil David, Indjan li jitkellem bit-​Telugu, max-​Xhieda. David ma damx ma beda jistudja l-​Bibbja. Żewġ Indjani oħra, Sonny u Shubash, kienu qed joqogħdu fl-​istess dar fejn kien joqgħod David. It-​tnejn li huma bdew jistudjaw.

Xi ftit ġimgħat wara, ix-​Xhieda rċivew telefonata minn Dalip, raġel li jitkellem bil-​Marathi. Hu qal: “Jien ħabib taʼ George. Tistgħu tgħallmuni l-​Bibbja?” Imbagħad ġie Sumit, raġel li jitkellem bit-​Tamil. Iktar tard, ħabib ieħor taʼ George ċempel u staqsa għal studju tal-​Bibbja. George mbagħad ġab raġel ieħor, Max, is-​Sala tas-​Saltna. Hu wkoll staqsa għal studju. Sa llum, inbdew sitt studji tal-​Bibbja, u qed isiru arranġamenti biex jinbdew erbgħa oħra. Dawn isiru bl-​Ingliż, għalkemm jintużaw pubblikazzjonijiet bil-​Ħindi, il-​Malayalam, il-​Marathi, il-​Punġabi, it-​Tamil, it-​Telugu, u l-​Urdu.

Dawk Neqsin mis-​Smigħ “Jisimgħu” l-​Aħbar Tajba

Fl-​Italja hemm iktar minn 90,000 persuna li huma neqsin mis-​smigħ. F’nofs is-​snin 70, ix-​Xhieda bdew jitfgħu l-​attenzjoni tagħhom fuq li jgħallmuhom il-​verità tal-​Bibbja. Għall-​ewwel, xi Xhieda li huma neqsin mis-​smigħ għallmu l-​Lingwa tas-​Sinjali bit-​Taljan (Italian Sign Language [ISL]) lil ministri sħabhom li kienu lesti li jgħinu f’din l-​għalqa. Imbagħad, iktar u iktar uħud li huma neqsin mis-​smigħ bdew juru interess fil-​Bibbja. Illum, iktar minn 1,400 individwu li jużaw l-​ISL qed jattendu l-​laqgħat Kristjani. Ħmistax-il kongregazzjoni u 52 grupp jagħmlu l-​laqgħat tagħhom bl-​ISL.

Għall-​ewwel, l-​ippridkar lil uħud neqsin mis-​smigħ kien jiddependi mill-​inizjattiva taʼ kull Xhud individwali. Imma fl-​1978, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova beda jorganizza konvenzjonijiet għal dawk neqsin mis-​smigħ. F’Mejju taʼ dik is-​sena, ġie imħabbar li f’konvenzjoni internazzjonali li kienet se ssir f’Milan, kien se jkun hemm sessjonijiet għal dawk neqsin mis-​smigħ. L-​ewwel assemblea għal dawk neqsin mis-​smigħ inżammet fis-​Sala taʼ l-​Assemblea f’Milan fi Frar taʼ l-​1979.

L-uffiċċju tal-​fergħa ta attenzjoni speċjali għall-​manteniment spiritwali taʼ dawk li huma neqsin mis-​smigħ billi inkuraġġixxa lil numru li kien qed jiżdied t’evanġelizzaturi sabiex itejbu l-​abbiltà tagħhom b’din il-​lingwa. Mill-​1995, pijunieri speċjali (evanġelizzaturi full-time) intbagħtu biex jgħinu lil xi gruppi sabiex iħarrġu lil Xhieda neqsin mis-​smigħ fil-​ministeru u jorganizzaw laqgħat Kristjani. Tliet Swali t’Assemblea ġew mgħammra b’sistemi avanzati taʼ vidjos sabiex ikunu jistgħu jaraw il-​programm aħjar. U wkoll, hemm disponibbli vidjokasetts tal-​pubblikazzjonijiet Kristjani sabiex jiġi provdut l-​ikel spiritwali lil dawk li huma neqsin mis-​smigħ.

Xi wħud li qagħdu josservaw innotaw li x-​Xhieda jieħdu ħsieb sew il-​bżonnijiet spiritwali taʼ dawk li huma neqsin mis-​smigħ. P@role & Segni, rivista pubblikata mis-​Soċjetà Taljana għal Dawk Neqsin mis-​Smigħ, ikkwotat ittra li ntbagħtet minn monsinjur Kattoliku: “Huwa diffiċli li tkun nieqes mis-​smigħ minħabba li individwu bħal dan għandu bżonn l-​attenzjoni l-​ħin kollu. Per eżempju, jasal il-​knisja mingħajr problemi, imma għandu bżonn l-​għajnuna taʼ interpretu sabiex ikun jistaʼ jsegwi dak li jkun qed jinqara, jitħabbar, jew jitkanta waqt il-​funzjoni.” Ir-​rivista tkompli tgħid li l-​prelat “jirrikonoxxi li, sfortunatament, il-​knisja m’hijiex imħejjija sew biex tittratta d-​diżabilità, u jgħid li ħafna li huma neqsin mis-​smigħ jieħdu ħsiebhom iktar fis-​Swali tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova milli fil-​knisja parrokkjali.”

L-​Aħbar Tajba Pridkata lill-​Ħabsin

Jistaʼ jkun li xi ħadd ikun ħieles waqt li jkun il-​ħabs? Iva, għax il-​Kelma t’Alla għandha l-​qawwa li ‘teħles’ lil dawk li jaċċettawha u japplikawha f’ħajjithom. Il-​messaġġ li Ġesù ħabbar “lill-​imjassrin” kien ħelsien mid-​dnub u mir-​reliġjon falza. (Ġwanni 8:32; Luqa 4:​16-19) Fl-​Italja qed ikun hemm riżultati mill-​aqwa fl-​ippridkar fil-​ħabsijiet. Kważi 400 ministru mix-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew awtorizzati mill-​Istat sabiex iżuru lill-​ħabsin ħalli jipprovdu għajnuna spiritwali. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu l-​ewwel organizzazzjoni li m’hijiex Kattolika u li talbet u kisbet permess bħal dan.

Il-messaġġ tal-​Bibbja jinfirex b’tali mod li ma tistenniex. Il-​ħabsin jitkellmu maʼ sħabhom dwar ix-​xogħol t’edukazzjoni Biblika tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Min-​naħa l-​oħra, xi wħud minn dawn il-​ħabsin jistaqsu jekk jistax ikollhom żjara minn ministru Xhud. Jew inkella membri tal-​familja li jkunu bdew jistudjaw il-​Bibbja jinkuraġġixxu lill-​ħabsin sabiex jistaqsu għal żjara mix-​Xhieda. Xi ħabsin li qed jiskontaw sentenzi t’għomor ħabs minħabba qtil jew atti kriminali serji oħra nidmu u biddlu ħajjithom bil-​kbir. Dan jippreparahom biex jiddedikaw lilhom infushom lil Alla Ġeħova u biex jitgħammdu.

F’numru kbir taʼ ħabsijiet saru arranġamenti biex ikunu jistgħu jsiru taħditiet pubbliċi fuq suġġetti Bibliċi, biex tiġi osservata t-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù, u biex jintwerew vidjokasetts taʼ programmi mill-​Bibbja li huma pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Spiss, ħafna ħabsin jattendu laqgħat bħal dawn.

Sabiex ikunu jistgħu jgħinu lill-​ħabsin b’modi prattiċi, ix-​Xhieda qassmu ħafna rivisti li jittrattaw is-​suġġetti li huma jsibu t’għajnuna. Rivista bħal din kienet Stenbaħ! tat-​8 taʼ Mejju, 2001, li kienet tiddiskuti s-​suġġett “Jistgħu l-​Ħabsin Jirranġaw Ħajjithom?” Il-​ħarġa tat-​8 t’April, 2003, kienet titkellem dwar “L-​Abbuż tad-​Drogi fil-​Familja​—Int X’Tistaʼ Tagħmel?” Eluf taʼ kopji tħallew mal-​ħabsin. Bħala riżultat, hemm mijiet li qed jistudjaw il-​Bibbja. Xi gwardjani tal-​ħabs ukoll qed juru interess fil-​messaġġ tal-​Bibbja.

Wara li kiseb permess speċjali mill-​awtoritajiet, ħabsi bl-​isem taʼ Costantino tgħammed f’Sala tas-​Saltna f’San Remo, u kien hemm 138 Xhud lokali preżenti. Costantino, li kien jidher imqanqal minn din l-​esperjenza qal: “Ħassejtni verament maħbub.” Gazzetta lokali rrapportat il-​kliem tal-​gwardjan tal-​ħabs: “Kien verament b’ferħ kbir . . . li tajnieh dan il-​permess. Dak kollu li jistaʼ jbiddel lill-​ħabsin b’mod soċjali, persunali, u spiritwali għandu jiġi kunsidrat.” Il-​mara taʼ Costantino u t-​tifla tiegħu kienu impressjonati mill-​mod kif l-​għarfien eżatt mill-​Bibbja effettwa l-​ħajja taʼ Costantino: “Aħna verament kburin bih u bil-​bidliet li għamel. Sar bniedem paċifiku, u l-​interess tiegħu fina dejjem jikber. Issa nistgħu nerġgħu nafdawh u nirrispettawh.” Huma wkoll bdew jistudjaw il-​Bibbja u jattendu l-​laqgħat Kristjani.

Sergio, li kien ħati taʼ serq, kif ukoll serq bl-​armi, ittraffikar taʼ drogi, u qtil, kien sentenzjat il-​ħabs sas-​sena 2024. Wara li eżamina l-​Iskrittura għal tliet snin u biddel ħajtu, Sergio ddeċieda li jitgħammed. Hu huwa l-​15-il ħabsi fil-​ħabs Porto Azzurro, fuq il-​gżira t’Elba, li tgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu tgħammed f’pixxina li għamlu fil-​grawnd tal-​ħabs fejn attendew xi wħud minn sħabu l-​ħabsin.

Leonardo, li qed jiskonta sentenza t’20 sena, kiseb permess speċjali biex jitgħammed f’Sala tas-​Saltna f’Parma. Meta ġie intervistat minn gazzetta lokali, Leonardo qal li hu ried ‘jagħmilha ċara li ddeċieda li jsir Xhud taʼ Ġeħova, mhux biex isib xi mod kif jeħles mill-​ħabs, imma biex jissodisfa bżonn spiritwali sinċier li tant kien iħoss.’ Leonardo qal: “Ħajti kienet mimlija żbalji, imma dawn ħallejthom warajja. Inbdilt, imma mhux mil-​lejl għan-​nhar. Se jkolli bżonn nibqaʼ nkun rett.”

Salvatore, li kien ħati taʼ qtil, jinsab f’ħabs li għandu sigurtà stretta fi Spoleto. Il-​magħmudija tiegħu, li saret fil-​ħabs, impressjonat lil ħafna. Il-​gwardjan tal-​ħabs t’hemmhekk qal: “Għażla li twassal għal imġiba aħjar u li hija importanti għas-​soċjetà għandha tiġi inkuraġġita, kemm għall-​benefiċċju tal-​komunità fil-​ħabs u kemm għal kull individwu fis-​soċjetà.” Minħabba l-​bidla taʼ Salvatore, il-​mara u t-​tifla tiegħu issa qed jattendu l-​laqgħat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Ħabsi li Salvatore kien tah xiehda, tgħammed bħala qaddej taʼ Ġeħova.

Xi ftit mit-​tkabbir u ż-​żjieda tal-​Kristjanità tal-​bidu seħħew fl-​Italja. (Atti 2:10; Rumani 1:7) F’dan iż-​żmien taʼ ħsad, iż-​żjieda u t-​tkabbir spiritwali jkomplu fl-​istess territorju fejn Pawlu u l-​Kristjani sħabu ħadmu tant iebes biex jippridkaw l-​aħbar tajba.​—Atti 23:11; 28:​14-16.

[Mappa f’paġna 13]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

L-​ITALJA

Ruma

[Stampi f’paġna 15]

Is-​Sala taʼ l-​Assemblea f’Bitonto u kongregazzjoni tal-​Lingwa tas-​Sinjali bit-​Taljan f’Ruma

[Stampa f’paġna 16]

Il-​ħabsin qed jiġu ‘meħlusin’ bil-​verità tal-​Bibbja

[Stampi f’paġna 17]

It-​tkabbir spiritwali jkompli fejn darba bdiet tiffjorixxi l-​Kristjanità tal-​bidu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja