Iż-Żjieda fost il-Varjetà taʼ Nies fl-Uganda
L-UGANDA, li hi qrib il-Great Rift Valley fin-naħa tal-lvant taʼ l-Afrika u bl-ekwatur għaddej minn ġo nofsha, hija mbierka bi sbuħija rimarkevoli. L-art tagħha hija varjata ħafna, għandha veġitazzjoni rikka, u annimali interessanti. Tinsab fuq il-pjanura għolja u kbira taʼ l-Afrika, għandha klima moderata u pajsaġġ affaxxinanti t’għoljiet li jibqgħu sejrin għal mijiet taʼ kilometri.
Ftit hemm pajjiżi li għandhom is-silġ u klima tropikali f’post mhux daqstant kbir, imma l-Uganda għandha. Tibda mill-qċaċet miksijin silġ tal-Muntanji tal-Qamar, il-Muntanji Ruwenzori, fin-naħa tal-punent, u tibqaʼ sejra sa l-art niexfa fin-naħa tal-lvant. Fuq il-pjanura tagħha tistaʼ tara ljunfanti, bufli, u ljuni. Il-muntanji u l-foresti miksijin siġar huma abitati mill-gurilla, ix-ximpanzì, u iktar minn 1,000 speċi t’għasafar. Ħafna mill-kontinent taʼ l-Afrika jbati minn nixfa u ġuħ, imma l-Uganda hija mbierka bi xmajjar u għadajjar, bħal Victoria, it-tieni l-akbar għadira taʼ l-ilma ħelu fid-dinja. Il-fetħa fin-naħa tat-tramuntana taʼ Lake Victoria twassal għax-Xmara Nil. Mhux taʼ b’xejn li Winston Churchill irrefera għal dan il-pajjiż bħala “l-perla taʼ l-Afrika”!
“Il-Perla” Tleqq Illum
Madankollu, l-iktar ħaġa attraenti dwar lUganda hija n-nies, li huma dħulin, ospitabbli, u differenti. Dan il-pajjiż, li l-maġġuranza min-nies fih huma “Kristjani,” jistaʼ jiġi deskritt bħala taħlita taʼ diversi gruppi etniċi u kulturi. Saħansitra llum, dawn in-nies differenti jistgħu jintgħarfu mit-tradizzjonijiet u l-ilbies tagħhom.
Dan l-aħħar, għadd li dejjem qed jikber taʼ nies mill-Uganda qed iwieġbu għall-aħbar tajba tal-Bibbja rigward iż-żmien meta l-paċi dejjiema se tkun mifruxa maʼ l-art kollha. (Salm 37:11; Rivelazzjoni 21:4) Hija sfida biex il-messaġġ jilħaq lil kulħadd, f’pajjiż li bejn wieħed u ieħor hu kbir daqs il-Gran Britannja.
Minn bidu żgħir, meta saret l-ewwel magħmudija taʼ resident lokali bħala Xhud dedikat taʼ Ġeħova f’Lake Victoria fl-1955, ‘iż-żgħir’ finalment sar elf fl-1992. Mill-1955 ’l hawn, kien hemm tkabbir kontinwu. Dan hu fi qbil mal-kliem rassiguranti t’Alla: “Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.”—Isaija 60:22.
Jingħelbu l-Ostakli tal-Lingwa
L-Ingliż huwa l-lingwa uffiċjali tal-pajjiż u jintuża ħafna, speċjalment fl-edukazzjoni, però m’huwiex ilsien il-pajjiż tal-maġġuranza min-nies fl-Uganda. B’hekk, biex jipprovaw jilħqu lin-nies bl-aħbar tajba, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jikkunsidraw ukoll lingwi maġġuri oħra. Dan wera li kien neċessarju għaliex iktar minn 80 fil-mija mill-25 miljun ruħ fil-pajjiż jgħixu f’postijiet rurali jew bliet żgħar, fejn dawn in-nies jiddependu ħafna minn ilsien pajjiżhom biex jikkomunikaw kuljum. Jirrikjedi sforz kbir biex jintlaħqu dawn il-gruppi taʼ lingwi differenti u biex jiġu sodisfati l-bżonnijiet spiritwali tan-nies.
Minkejja dan, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jistinkaw biex jilħqu dawn il-bżonnijiet billi jippridkaw lin-nies bil-lingwa tagħhom stess u billi jippreparaw letteratura Biblika b’varjetà taʼ lingwi. Fl-uffiċċju tal-fergħa fil-belt kapitali, Kampala, timijiet tat-traduzzjoni jieħdu ħsieb erbaʼ gruppi taʼ lingwi differenti: Acholi, Lhukonzo, Luganda, u Runyankore. Barra minn hekk, l-assembleat Kristjani li jinżammu b’diversi lingwi madwar il-pajjiż kellhom attendenzi eċċellenti, iktar mid-doppju tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Uganda. Dan juri biċ-ċar li l-isforzi biex jintlaħqu diversi gruppi taʼ lingwi differenti qed jikkontribwixxu għal tkabbir spiritwali mgħaġġel. Imma dan mhux kollox.
Il-Pijunieri Jagħtu Spinta lix-Xogħol
Il-kongregazzjonijiet bil-ferħ jappoġġaw kampanji taʼ madwar tliet xhur li jsiru kull sena, li permezz tagħhom qed jintlaħqu territorji iżolati. (Atti 16:9) Għadd li dejjem qed jikber taʼ pijunieri żgħażagħ żelużi, jew evanġelizzaturi full-time, huma minn taʼ quddiem f’dan ix-xogħol. Huma jivvjaġġaw lejn postijiet imwarrbin fejn, f’xi każijiet, l-aħbar tajba qatt ma tkun instemgħet qabel.
Żewġ Xhieda ġew inkarigati bħala pijunieri speċjali għal perijodu taʼ tliet xhur f’Bushenyi, belt żgħira fil-punent taʼ l-Uganda. Huma ngħaqdu fl-ippridkar maʼ l-uniku Xhud taʼ Ġeħova f’dak il-post u għenu biex jorganizzaw il-laqgħat Kristjani. Fi żmien xahar, iż-żewġ pijunieri kienu qed jikkonduċu diskussjonijiet Bibliċi regulari maʼ 40 individwu, u 17 minnhom bdew jattendu l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Il-pijunieri jirrakkontaw: “Xi wħud li konna ħallejnielhom il-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?a ġew id-dar tagħna ftit jiem wara b’diversi paġni fejn kienu kitbu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet fil-browxer. Riedu jkunu jafu jekk it-tweġibiet tagħhom kinux tajbin.” Illum, f’din il-belt hemm kongregazzjoni li għandha Sala tas-Saltna.
Żewġ pijunieri vvjaġġaw lejn territorju fl-Uganda tal-punent fejn l-aħbar tajba qatt ma kienet ġiet pridkata. Huma kitbu: “In-nies tassew huma għatxana għall-verità tal-Bibbja. Matul it-tliet xhur li ilna hawn, irnexxielna nibdew u nikkonduċu 86 studju tal-Bibbja.” Ma damx ma ġie stabbilit formalment grupp taʼ Xhieda f’dan il-post.
Ħaddiema Żelużi Oħra fl-Għalqa
Fost il-pijunieri żelużi hemm xi wħud li ilhom jaqdu għal għadd taʼ snin. Qabel ma sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, Patrick kien idoqq il-klarinett fil-banda tal-forza taʼ l-ajru tal-ħakkiem taʼ l-Uganda, Idi Amin. Sitt xhur wara li Patrick tgħammed fl-1983, hu sar ministru full-time. Illum hu jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, iżur u jinkuraġġixxi lill-kongregazzjonijiet.
Margaret tgħammdet fl-1962. Minkejja li għandha qrib it-80 sena u għandha problema f’ġenbejha li tillimita l-moviment tagħha, hi tqattaʼ xi 70 siegħa kull xahar taqsam it-tama tagħha bbażata fuq il-Bibbja mal-ġirien tagħha. Hi tifrex il-letteratura fuq banketta quddiem id-dar tagħha u tibda konversazzjonijiet maʼ kull min jgħaddi u jkun jixtieq jismaʼ l-aħbar tajba dwar dinja ġdida taʼ paċi.
Simon, bidwi min-naħa tal-lvant taʼ l-Uganda, kien ilu jfittex il-verità għal 16-il sena meta, fl-1995, hu sab xi letteratura pubblikata mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Dak li qara qanqallu l-kurżità biex isir jaf iktar dwar is-Saltna t’Alla u l-iskop glorjuż taʼ Ġeħova għall-art. Ma kienx hemm Xhieda f’Kamuli, il-post fejn kien jgħix, u għalhekk Simon ivvjaġġa xi 140 kilometru lejn Kampala biex ifittixhom. Illum, hemm kongregazzjoni fir-raħal tiegħu.
“Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Se Jibqgħu Hawn”
Bħalma jiġri f’postijiet oħrajn fl-Afrika, ħafna nies jistennew li grupp reliġjuż ikollu post xieraq taʼ qima. Dan qajjem problema li donnha ma setgħetx tingħeleb għal xi wħud mill-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova, għaliex ma kellhomx il-finanzi biex jibnu Sala tas-Saltna adattata. Il-kliem ma jistax jiddeskrivi l-gratitudni taʼ l-aħwa meta, lejn l-aħħar taʼ l-1999, fi żmien qasir inbeda programm għall-bini tas-Swali tas-Saltna madwar id-dinja. Matul il-ħames snin taʼ wara, inbnew 40 Sala tas-Saltna ġdida fl-Uganda. Illum, kważi l-kongregazzjonijiet kollha għandhom is-Sala tas-Saltna modesta u preżentabbli tagħhom. Il-messaġġ li ħadu l-komunitajiet lokali minn din l-attività tal-bini kien, “Ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jibqgħu hawn.” Dan ikkontribwixxa għaż-żjieda.
Kongregazzjoni żgħira fit-tramuntana taʼ l-Uganda kienet iżżomm il-laqgħat taħt xi siġar tal-mangu li kellhom ħafna weraq li jipprovdu d-dell. Meta nkisbet biċċa art, kollox mexa ’l quddiem b’rata mgħaġġla. L-aħwa fit-tim tal-kostruzzjoni, flimkien max-Xhieda lokali, bdew jibnu Sala tas-Saltna. Wieħed li fil-passat kien politikant prominenti f’dawk l-inħawi baqaʼ impressjonat bix-xogħol. Hu offra biex il-garaxx tiegħu jintuża għal-laqgħat tagħhom sakemm titlesta s-Sala tas-Saltna. Hu aċċetta wkoll studju tal-Bibbja maʼ wieħed mill-volontieri tal-kostruzzjoni. Issa hu pubblikatur mgħammed żeluż, ferħan li jistaʼ jqim lil Ġeħova f’dik is-Sala tas-Saltna ġdida tant sabiħa!
Fi proġett tal-bini taʼ Sala tas-Saltna fix-xlokk tal-pajjiż, bennej lokali tant tqanqal mill-ispirtu taʼ ħbiberija, imħabba, u kooperazzjoni li ra fost l-aħwa li offra biex jgħin fix-xogħol. Meta l-proġett wasal fi tmiemu, hu saħansitra ħadem lejl sħiħ sabiex l-aħwa jkunu jistgħu jlestu s-Sala tas-Saltna għad-dedikazzjoni li kienet se ssir l-għada fil-għodu. Hu qal: “Intom l-uniċi nies li verament tħobbu lil xulxin, mhux bil-kliem biss.”
Tkompli ż-Żjieda Minkejja l-Inkwiet
Minħabba li qed jintlaħqu territorji ġodda fl-Uganda, hemm żjieda kontinwa fl-għadd taʼ Xhieda, u ħafna wħud interessati qed jissieħbu mal-kongregazzjonijiet. Madankollu, hemm ħafna tħassib minħabba l-għadd kbir taʼ refuġjati li daħlu fl-Uganda. Il-gwerer ċivili f’pajjiżi fil-viċin kellhom effett fuq il-poplu taʼ Ġeħova wkoll. Ix-Xhieda fil-kampijiet tar-refuġjati wrew fiduċja li tispikka f’Ġeħova. Wieħed li qabel kien uffiċjal għoli minn pajjiż fil-viċin u li darba kellu sehem fil-persekuzzjoni tax-Xhieda meta kien hemm projbizzjoni f’dak il-pajjiż, jiftakar fil-ħajja komda li kellu. Wara li studja l-Bibbja f’wieħed mill-kampijiet tar-refuġjati u sar Xhud, hu qal: “Prosperità materjali u pożizzjoni għolja f’din id-dinja m’għandhom l-ebda valur. Għalkemm jien issa fqir u marid, ħajti hija ħafna aħjar milli qatt kienet. Naf lil Ġeħova, u napprezza l-privileġġ tat-talb. Filwaqt li għandi tama soda għall-futur, naf għala rridu nissaportu l-problemi llum. Għalhekk, għandi paċi ġewwinija li qatt ma esperjenzajt bħalha qabel.”
Ġieli ntqal li jekk iddaħħal zokk fil-ħamrija fertili taʼ l-Uganda fil-għaxija, sa fil-għodu jkollu l-għeruq. It-tkabbir spiritwali li qed iseħħ fil-pajjiż juri li l-ħamrija spiritwali wkoll hija fertili ħafna. Nirringrazzjaw lil Alla Ġeħova talli ħalla ż-żmien biex saħansitra iktar mill-varjetà taʼ nies fl-Uganda jitgħallmu dwar is-Saltna tiegħu. Ġesù wera kemm hi prezzjuża s-Saltna fit-tixbiha taʼ “perla waħda taʼ valur kbir.” Iktar u iktar uħud fl-Uganda qed jaslu biex jifhmuh dan.—Mattew 13:45, 46.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Mappep f’paġna 8]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
SUDAN
UGANDA
Ix-Xmara Nil
Kamuli
Tororo
Kampala
Bushenyi
Lake Victoria
KENJA
TANZANIJA
RWANDA
[Stampa f’paġna 9]
Tlieta mill-ħafna pijunieri żelużi
[Stampa f’paġna 10]
Patrick
[Stampa f’paġna 10]
Margaret
[Stampa f’paġna 10]
Simon
[Stampa f’paġna 10]
Konvenzjoni distrettwali f’Tororo
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
L-istampa fl-isfond: © Uganda Tourist Board