LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Diċembru pp. 8-13
  • Ibqaʼ Aħseb Fuq l-Affarijiet “li Ma Jidhrux”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqaʼ Aħseb Fuq l-Affarijiet “li Ma Jidhrux”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IL-FIDI T’ABRAHAM GĦENITU JOBDI
  • IL-FIDI TAʼ MOSÈ GĦENITU JIEĦU DEĊIŻJONIJIET TAJBIN
  • IL-FIDI TAGĦNA TGĦINNA NISSAPORTU L-PROVI
  • IL-FIDI TAGĦNA TGĦINNA NIEĦDU DEĊIŻJONIJIET TAJBIN
  • Għalkemm Kien Diffiċli, Hu Obda lil Alla
    B’Kuraġġ Għix Kif Jogħġob lil Alla
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • X’Titgħallem mill-Aħħar Kliem li Qalu Xi Rġiel Leali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Tinsiex li Ġeħova “Hu l-Alla l-Ħaj”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Diċembru pp. 8-13

8-14 TAʼ FRAR 2027

GĦANJA 144 Ibqaʼ ffokat fuq it-tama!

Ibqaʼ Aħseb Fuq l-Affarijiet “li Ma Jidhrux”

“Aħna ma nibqgħux naħsbu fuq l-affarijiet li jidhru, imma fuq dawk li ma jidhrux.”—2 KOR. 4:18.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Fidi b’saħħitha fil-wegħdi taʼ Ġeħova għall-futur tistaʼ tgħinna anki bħalissa.

1-2. Il-Kristjani taʼ żmien Pawlu għala kellhom jibqgħu jaħsbu fuq l-affarijiet “li ma jidhrux”? (2 Korintin 4:18)

L-APPOSTLU PAWLU qal lill-Kristjani taʼ dak iż-żmien biex jibqgħu jaħsbu fuq affarijiet “li ma jidhrux.” (Aqra 2 Korintin 4:18.) X’ried ifisser?

2 Dawn il-Kristjani ffaċċjaw ħafna provi. Pawlu qal li huma kienu “magħfusin bl-inkwiet,” “mifxulin,” u anki “ppersegwitati.” (2 Kor. 4:​8, 9) Għalhekk, hu qalilhom biex ma jaħsbux fuq “l-affarijiet li jidhru,” jiġifieri l-provi. Minflok, hu qalilhom biex jaħsbu fuq l-affarijiet “li ma jidhrux,” jiġifieri l-affarijiet li Ġeħova wegħedhom. Jekk jimxu mal-pariri taʼ Pawlu, dawn kienu se jgħinuhom b’żewġ modi. L-ewwel, kienu se jgħinuhom jissaportu l-provi tagħhom. U t-tieni, kienu se jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin li juru li kellhom fidi soda fil-wegħdi taʼ Ġeħova.—Lhud 11:1.

3. Għala rridu nibqgħu naħsbu dwar il-wegħdi li Alla tana għall-futur?

3 Aħna qegħdin f’sitwazzjoni simili bħalma kienu l-Kristjani fi żmien Pawlu. Matul dan iż-żmien diffiċli, huwa faċli li moħħna jiffoka biss fuq il-provi tagħna. Wara kollox, kuljum ngħaddu minn xi problema. Hu għalhekk li rridu naħsbu fuq l-affarijiet li ma jidhrux, jiġifieri l-wegħdi li Ġeħova tana għall-futur. (Slm. 37:​10, 11) Jekk nagħmlu hekk, ikunu kemm ikunu diffiċli l-provi tagħna, se niftakru li dawn huma temporanji.—2 Kor. 4:17.

4. Il-fidi fil-wegħdi taʼ Ġeħova kif għandha taffettwa d-deċiżjonijiet li nieħdu f’ħajjitna? Agħti eżempju.

4 Jekk nibqgħu naħsbu dwar it-tama taʼ “ħajja taʼ dejjem,” se jgħinna wkoll biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin minn issa. (Ġuda 21) Pereżempju, mara li se jkollha tarbija tkun tixtieq li titwieled b’saħħitha. Kuljum, l-omm timmaġina kemm se tkun ferħana meta titwieled. Imma hemm bżonn tagħmel iktar minn hekk. Hi tieħu deċiżjonijiet tajbin ħalli kemm hi kif ukoll it-tarbija li għadha ma twilditx jibqgħu b’saħħithom. B’mod simili, aħna għandna t-tama li ngħixu fid-dinja l-ġdida. Imma rridu nagħmlu iktar milli nimmaġinaw lilna nfusna hemm. Jekk ikollna fidi b’saħħitha fil-wegħdi taʼ Ġeħova għall-futur, minn issa se noqogħdu attenti kif nieħdu deċiżjonijiet importanti. F’dan l-artiklu se naraw l-eżempji t’Abraham, Sara, u Mosè. Se naraw kif huma baqgħu jaħsbu dwar il-wegħdi taʼ Ġeħova u kif dan għenhom biex jieħdu deċiżjonijiet tajbin. Imbagħad, se naraw kif il-fidi se tgħinna nissaportu l-provi u nieħdu deċiżjonijiet tajbin.

IL-FIDI T’ABRAHAM GĦENITU JOBDI

5-6. (a) Ġeħova x’wiegħdu lil Abraham? (b) X’deċiżjonijiet tajbin ħadu Abraham u Sara għax kellhom fidi b’saħħitha? (Ġenesi 17:​1, 2, 6) (Ara wkoll l-istampa.)

5 Ġeħova għamel wegħda m’Abraham li kienet se tbiddillu ħajtu u qallu: “Jien nagħmlek poplu kbir.” (Ġen. 12:2) Abraham u Sara kienu kbar fl-età u ma kellhomx tfal, imma kienu konvinti li Ġeħova kien se jżomm kelmtu. Huma wrew il-fidi tagħhom billi obdew il-kmand taʼ Ġeħova: “Itlaq minn artek, minn ħdejn qrabatek . . . u mur fl-art li se nurik.”—Ġen. 12:1.

6 Dan kien ifisser li jitilqu l-ħajja komda li kellhom u jmorru jgħixu f’post wara ieħor fit-tined. (Lhud 11:​8, 9) X’għenhom jagħmlu dawn is-sagrifiċċji? Huma baqgħu jaħsbu fuq affarijiet li kienu għadhom ma jidhrux, jiġifieri li jkollhom tifel u minnu joħroġ poplu kbir. (Aqra Ġenesi 17:​1, 2, 6; Lhud 11:11) Huma kienu ċerti li dak li Ġeħova wegħedhom kien se jsir. Maż-żmien, il-wegħda taʼ Ġeħova bdiet titwettaq meta twieled Iżakk.

Abraham u Sara qegħdin bilqiegħda barra t-tinda tagħhom fejn in-nar waqt li qed iħarsu ’l bogħod.

Abraham u Sara kienu lesti li jitilqu l-ħajja komda tagħhom f’Ur għax kienu ċerti mill-wegħda li għamlilhom Ġeħova (Ara paragrafi 5-6)


7-8. Abraham għala kien lest li jobdi l-kmand taʼ Ġeħova biex jissagrifika lil Iżakk?

7 Snin wara, Ġeħova qal lil Abraham biex jissagrifika lil Iżakk, li kellu madwar 25 sena. Abraham għala kien lest li jobdi dan il-kmand? Għax hu baqaʼ jaħseb fuq il-wegħda li kien għamillu Ġeħova. Ġeħova qal lil Abraham: “Id-dixxendenti tiegħek se jiġu minn Iżakk.” (Ġen. 21:12) Għalkemm Iżakk kien għadu ma kellux tfal, Abraham ‘kien jemmen li Alla setaʼ jqajjem lil Iżakk mill-mewt.’ (Lhud 11:19) Il-fidi li kellu Abraham f’Ġeħova, li jistaʼ jerġaʼ jqajmu mill-mewt, kienet tal-għaġeb, għax sa dak iż-żmien, kien għadx m’hemmx evidenza li Ġeħova rxoxta lil xi ħadd. Tant kellu fidi b’saħħitha f’dak li qallu Ġeħova li Abraham setaʼ qisu jimmaġina t-tfal taʼ Iżakk.

8 Ġeħova waqqaf lil Abraham milli jissagrifika lit-tifel tiegħu. (Ġen. 22:​11, 12) Minkejja dan, il-Bibbja tgħid li Abraham “daqslikieku offra lil Iżakk.” (Lhud 11:​17, 18) B’dak li għamel, Abraham wera kemm verament kien jemmen fil-wegħda li għamillu Ġeħova.

IL-FIDI TAʼ MOSÈ GĦENITU JIEĦU DEĊIŻJONIJIET TAJBIN

9. (a) Kif kienet is-sitwazzjoni tal-Iżraelin meta Mosè kien qed jikber? (b) Kif kienet is-sitwazzjoni taʼ Mosè meta kien qed jikber?

9 Il-ġenituri taʼ Mosè wisq probabbli għallmuh dwar il-wegħdi li Ġeħova kien għamel lil Abraham. Waħda minnhom kienet li se jagħti l-art taʼ Kangħan lin-nies tiegħu “għal dejjem.” (Ġen. 13:15) Imma dan kif kien se jiġri? L-Iżraelin kienu skjavi fl-Eġittu. Mosè ma kienx qed ibati bħalhom. Meta kien tarbija, it-tifla tal-Fargħun adottatu, allura hu trabba bħala prinċep u “rċieva l-aqwa edukazzjoni fl-Eġittu.” (Atti 7:22) Imma hu wera li qatt ma nesa l-wegħda li Ġeħova kien għamel man-nies tiegħu.

10. Meta Mosè kellu 40 sena, x’deċiżjoni ħa, u għala? (Lhud 11:​24-26) (Ara wkoll l-istampa.)

10 Aqra Lhud 11:​24-26. Meta kellu 40 sena, Mosè ħa deċiżjoni importanti. Hu “għażel li jiġi ttrattat ħażin mal-poplu t’Alla.” Għala? Il-Bibbja tgħid “li stenna b’qalbu kollha li jirċievi l-wegħda.” Mosè baqaʼ jaħseb dwar il-wegħda li għamel Ġeħova, li jagħti lill-Iżraelin l-art taʼ Kangħan. Għal Mosè, din il-wegħda kienet ħafna iktar importanti mill-affarijiet lussużi u l-pożizzjoni għolja li kellu fl-Eġittu. Iktar tard, Ġeħova qal lil Mosè: “[Int] ħa . . . toħroġ il-poplu tiegħi Iżrael mill-Eġittu.”—Eżo. 3:10.

Mosè qed iħares iddispjaċut lejn l-ilsiera Lhud li l-Eġizzjani qed isawtuhom u qed iġegħluhom jaħdmu iebes.

Meta kellu 40 sena, Mosè ħa deċiżjoni importanti: Hu “għażel li jiġi ttrattat ħażin mal-poplu t’Alla” (Ara paragrafu 10)


11. Irġiel u nisa oħra fil-Bibbja kif urew li kellhom fidi fil-wegħdi taʼ Ġeħova? (Lhud 11:​39, 40)

11 Fil-Bibbja hemm ħafna iktar eżempji taʼ rġiel u nisa li kellhom fidi fil-wegħdi taʼ Ġeħova. (Lhud 11:​31, 32) Tant kellhom fidi soda li kien qisu l-wegħdi diġà ġraw. Imma huma se jaraw il-wegħdi taʼ Ġeħova jiġru kollha wara li jiġu rxoxtati fis-sistema l-ġdida. (Aqra Lhud 11:​39, 40.) Sadanittant, aħna nistgħu naqraw dwar kif il-fidi tagħhom immotivathom biex jgħixu b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Meta aħna jkollna fidi soda bħalhom, se nkunu nistgħu nissaportu l-provi u nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Ejja naraw kif.

IL-FIDI TAGĦNA TGĦINNA NISSAPORTU L-PROVI

12. Il-fidi fil-wegħdi li għamlilna Ġeħova għall-futur kif tistaʼ tgħinna nkampaw mal-provi llum?

12 Ġeħova wegħedna li se jtina xi ħaġa li ma nistgħux naraw bħalissa. Din hi Ġenna tal-art fejn nistgħu ngħixu ħajja ferħana għal dejjem. (2 Pt. 3:13) Meta jkollna fidi b’saħħitha f’din il-wegħda, se tgħinna nkampaw mal-provi. Pereżempju, jekk xi darba nimirdu b’marda serja, għall-ewwel jaf inkunu mdejqin ħafna. Imma maż-żmien, nistgħu nerġgħu nħossuna kalmi. Għala? Għax għandna fidi soda fil-wegħda li għamlilna Alla li ngħixu f’Ġenna tal-art fejn “ħadd minn dawk li jgħixu hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isa. 33:24) Bħal Abraham, Sara, Mosè, u oħrajn, tant jistaʼ jkollna fidi soda fil-wegħdi taʼ Ġeħova li jkunu qishom diġà seħħew.

13. (a) Għala tajjeb li timmaġina lilek innifsek fil-Ġenna tal-art? (b) Għala hu importanti li jkollok evidenza għal dak li temmen, u fejn tistaʼ ssibha?

13 Mod wieħed kif issaħħaħ il-fidi tiegħek fil-wegħdi taʼ Ġeħova hu billi timmaġina lilek innifsek fil-Ġenna tal-art. Aħseb kif se tkun ħajtek meta jkollok saħħa perfetta, meta tgħix fil-paċi, u meta se tilqaʼ lill-maħbubin tiegħek li mietu. L-istampi fil-pubblikazzjonijiet tagħna u l-vidjows jistgħu jgħinuk timmaġinak fil-Ġenna tal-art. Imma dan mhux biżżejjed. Biex il-fidi tiegħek tkun b’saħħitha, irid ikollok evidenza mill-Bibbja. B’dan f’moħħok, hemm profeziji li diġà ġraw jew rakkonti fil-Bibbja li jsaħħulek il-fidi tiegħek fil-wegħdi t’Alla? Hemm skritturi li jikkonvinċuk li kulma jgħid Ġeħova żgur se jseħħ? Immedita fuq dawn l-iskritturi. Jekk tagħmel hekk, il-fidi tiegħek se tkompli tissaħħaħ għax se tkun ibbażata fuq evidenza mill-Bibbja.—Lhud 6:​17, 18.

IL-FIDI TAGĦNA TGĦINNA NIEĦDU DEĊIŻJONIJIET TAJBIN

14. Il-fidi fil-wegħdi t’Alla kif se tgħinna niddeċiedu x’naraw u x’nisimgħu?

14 Il-fidi fil-wegħdi t’Alla se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Aħseb dwar x’tagħżel li tara u tismaʼ. Ħafna mill-films, mużika, u programmi tat-televixin sar ikollhom ħafna vjolenza, immoralità sesswali, u spiritiżmu. Dawn l-affarijiet Ġeħova jobgħodhom u mhux se jħallihom ikunu fil-Ġenna tal-art. (Slm. 11:5; Riv. 21:8) Allura, saqsi lilek innifsek: Jekk jien nara jew nismaʼ affarijiet bħal dawn, inkun verament qed nuri li nemmen fil-wegħda taʼ Ġenna tal-art, peress li dawn l-affarijiet mhux se jkunu hemm?

15. Il-wegħdi t’Alla kif għenu lil xi wħud jiddeċiedu x’se jagħmlu fil-ħin liberu tagħhom? (Ara wkoll l-istampa.)

15 Kull Kristjan għandu jiddeċiedi x’se jagħmel fil-ħin liberu tiegħu. Xi ġenituri jużaw dan il-ħin biex jagħmlu attivitajiet mat-tfal tagħhom li jgħinuhom japprezzaw iktar lil Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Pereżempju, koppja miżżewġa li rabbew tlett ibniet fil-verità tgħid: “Meta konna nsiefru, ħafna drabi konna mmorru l-laqgħat jew inżuru l-uffiċċji tal-fergħa ħalli t-tfal jaraw li aħna familja waħda madwar id-dinja.” Koppja oħra li rabbew tifel fil-verità tgħid: “Aħna nieħdu gost nitgħallmu dwar il-ħolqien. Ġieli konna nistiednu familji oħra biex jiġu magħna l-mużewijiet jew l-aquariums.” Dawn il-familji użaw il-ħin liberu tagħhom biex jitgħallmu iktar dwar il-ħolqien taʼ Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu. Dan għen lit-tfal tagħhom jifhmu li dawn huma l-affarijiet sbieħ li se jgawdu fid-dinja l-ġdida.

Ġenituri u t-tifel tagħhom qed jieħdu gost jaraw esebizzjoni ġewwa Betel.

L-attivitajiet tiegħi juru li jien iffokat fuq il-wegħdi taʼ Ġeħova? (Ara paragrafu 15)


16. Il-fidi tagħna fil-wegħdi t’Alla għad-dinja l-ġdida kif għandha teffettwa l-prijoritajiet tagħna? (1 Korintin 7:​29-31) (Ara wkoll l-istampa.)

16 Aqra 1 Korintin 7:​29-31. Il-fidi tagħna fil-wegħdi taʼ Ġeħova se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar l-affarijiet materjali. Ovvjament, kull wieħed minna għandu bżonn l-ikel, il-ħwejjeġ, u post fejn jgħix. Imma fl-istess ħin, il-prijoritajiet tagħna qatt m’għandhom ikunu l-flus u l-affarijiet li nistgħu nixtru bihom. Għala? Għax il-Bibbja tgħid: “Id-dinja u x-xewqat tagħha se jispiċċaw, imma min jagħmel dak li jrid Alla se jgħix għal dejjem.” (1 Ġw. 2:17) Aħna nemmnu dan il-kliem, u d-deċiżjonijiet li nieħdu jagħtu prova taʼ dan. Peress li nemmnu li l-ħajja vera hi fid-dinja l-ġdida, aħna ma nużawx id-dinja “għalkollox,” imma dejjem inpoġġu s-Saltna t’Alla fl-ewwel post f’ħajjitna.—Mat. 6:33.

Koppja ħdejn trolley fi triq li għaddejjin ħafna nies.

Il-prijoritajiet tiegħi juru li jien iffokat fuq il-wegħdi taʼ Ġeħova? (Ara paragrafu 16)


17. Xi wħud liema deċiżjonijiet oħra ħadu għax għandhom fidi fil-wegħdi t’Alla? (Ara wkoll l-istampa.)

17 Fidi fil-wegħdi t’Alla se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet dwar x’se nagħmlu f’ħajjitna fil-futur. Pereżempju, hekk kif iż-żgħażagħ jibdew jikbru, jaf jaħsbu: ‘X’tip taʼ karriera għandi nagħżel? Se niżżewweġ? Se jkolli tfal?’ Dawn huma deċiżjonijiet personali, u kull għażla ġġib magħha barkiet u sfidi. (1 Kor. 7:​28, 37, 38) Imma saqsi lilek innifsek: Id-deċiżjonijiet li qed nieħu juru li jien ċert li din id-dinja dalwaqt se tispiċċa u li l-ħajja vera għadha ġejja? (1 Tim. 6:19) Ħafna żgħażagħ urew li huma ċerti minn dan billi bdew jaqdu fis-servizz full-time. Huma ċerti li din kienet l-aqwa deċiżjoni li ħadu. Huma rrealizzaw li xi ħadd li “jkun leali lejn Alla u kuntent b’dak li għandu jikseb ħafna benefiċċji.”—1 Tim. 6:6.

Ħu żagħżugħ qed iħaddem għodda li taqtaʼ fuq proġett tal-kostruzzjoni tal-organizzazzjoni.

Id-deċiżjonijiet tiegħi juru li jien iffokat fuq il-wegħdi taʼ Ġeħova? (Ara paragrafu 17)


18. Li jkollna fidi b’saħħitha fil-wegħdi taʼ Ġeħova kif jgħinna bħalissa?

18 Kif tgħallimna, li jkollna fidi b’saħħitha fil-wegħdi li Ġeħova tana għall-futur, se jgħinna minn issa. Li nimmaġinaw lilna nfusna fil-Ġenna tal-art jistaʼ jgħinna nissaportu l-provi li niffaċċjaw. Jistaʼ jgħinna wkoll nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar kif nużaw il-ħin u xi npoġġu l-ewwel f’ħajjitna. Aħna qed inħarsu ’l quddiem biex il-wegħdi taʼ Ġeħova jitwettqu. Sadanittant, ejja nibqgħu determinati li nibqgħu ffokati fuq l-affarijiet “li ma jidhrux.”

INT KIF TWIEĠEB?

  • Irġiel u nisa leali fil-Bibbja kif urew li baqgħu jaħsbu dwar il-wegħdi taʼ Ġeħova?

  • Li nsaħħu l-fidi tagħna fil-wegħdi taʼ Ġeħova kif jgħinna nissaportu l-provi?

  • Liema deċiżjonijiet tajbin se nieħdu meta nkunu ċerti li l-wegħdi taʼ Ġeħova żgur se jiġru?

GĦANJA 156 Bil-Fidi Sod

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja