LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Diċembru pp. 14-19
  • Bħal Ġesù, Afda Biss fis-Saltna t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Bħal Ġesù, Afda Biss fis-Saltna t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • META ĠESÙ KIEN FUQ L-ART, MA RIEDX IKUN MEXXEJ
  • ĠESÙ MA ĠĠILIDX
  • ĠESÙ MA TKELLIMX FUQ AFFARIJIET POLITIĊI
  • “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • X’Nitgħallmu mill-Miraklu tal-Ħobż li Għamel Ġesù?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • X’Titgħallem mill-Aħħar 40 Ġurnata li Ġesù Għamel Fuq l-Art?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • “M’Huma Ebda Parti mid-Dinja”
    Qim lill-Uniku Alla Veru
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Diċembru pp. 14-19

15-21 TAʼ FRAR 2027

GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-Midluk

Bħal Ġesù, Afda Biss fis-Saltna t’Alla

“Ħa tiġi Saltnatek.”—MAT. 6:10.

DAK LI SE NITGĦALLMU

X’jiġifieri li nkunu newtrali u kif nistgħu nkomplu nuru li nafdaw biss fis-Saltna t’Alla.

1-2. Ġesù għala qatt ma ħaseb li gvern uman kien aħjar minn ieħor? (1 Pietru 2:21)

ĦAFNA nies illum jinkwetaw ħafna għax il-gvernijiet il-ħin kollu jbiddlu l-liġijiet, u dan jistaʼ jeffettwalhom ħajjithom. Anki xi aħwa jibżgħu li jistgħu jitilfu x-xogħol, jiġu trattati b’mod inġust, jew ibatu minħabba l-gwerer. Ġieli tibżaʼ li dawn l-affarijiet jistgħu jeffettwaw lilek jew lill-familja tiegħek? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel?

2 Imita l-eżempju li ħallielna Ġesù. (Aqra 1 Pietru 2:21.) Meta kien fuq l-art, Ġesù kien jgħix f’post fejn in-nies kienu jiġu trattati b’mod inġust u ma kinux ferħanin bil-gvern li kien qed imexxihom. F’dak iż-żmien diffiċli, hu xtaq li n-nies jafdaw fis-Saltna t’Alla. Hu għallimhom li din se tmexxi mis-sema u li kienet se ssolvi l-problemi kollha tad-dinja. U anki qal lid-dixxipli tiegħu biex jippritkaw dwarha. (Mat. 4:23; 6:33; 10:7) Kien għalhekk li Ġesù qatt ma ħaseb li gvern uman kien aħjar minn ieħor.

3. (a) Xi jfisser li nkunu newtrali? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

3 Bħal Ġesù, aħna nemmnu li s-Saltna t’Alla biss se ssolvi l-problemi kollha li hawn bħalissa. Għax nemmnu dan, aħna nibqgħu newtrali billi ma nindaħlux fil-politika jew ikollna opinjoni dwar kwistjonijiet bejn mexxejja politiċi. Meta Ġesù kien fuq l-art, xi nies riduh ikun ir-re tagħhom. Xi wħud riduh jiġġieled kontra l-għedewwa tiegħu u xi oħrajn staqsewh x’kien jaħseb dwar il-liġijiet tal-gvern. F’dan l-artiklu se naraw x’għamel Ġesù u kif aħna nistgħu nimitawh.

META ĠESÙ KIEN FUQ L-ART, MA RIEDX IKUN MEXXEJ

4. Meta Ġesù kien fuq l-art, in-nies t’Iżrael kif kienu jħossuhom dwar il-gvern tagħhom?

4 Meta Ġesù kien qed jipprietka f’Iżrael, in-nies ma kinux kuntenti b’min kien qed imexxi u riedu bidla. Huma riedu jagħmlu lil Ġesù re. Ħafna Lhud vera xtaqu re li jiġġieled u jeħlishom mill-gvern Ruman. Qabel Ġesù, kien hemm xi rġiel li qalu li huma magħżulin minn Alla biex jeħilsu lil-Lhud. (Atti 5:37) Xi wħud minn dawn l-irġiel pruvaw ibiddlu l-gvern u riedu li n-nies jiġġieldu kontra s-suldati Rumani. Ħadd ma rnexxielu. Imma l-Lhud xorta ħasbu li meta kien ġej il-Messija l-veru, kien se jeħlishom minn taħt ir-Rumani u jkollhom gvern ġdid f’Iżrael.

5. Ħafna mid-dixxipli xi bdew jaħsbu li se jagħmel Ġesù?

5 Anki xi wħud li kienu jagħmluha maʼ Ġesù emmnu li hu kien se jibda jmexxi fi żmienhom u jeħlishom mir-Rumani. Pereżempju, Ġwanni l-Għammied staqsa lil Ġesù: “Int Dak li kellu jiġi, jew irridu nistennew lil xi ħadd ieħor?” (Mat. 11:​2, 3) Forsi Ġwanni ried ikun jaf jekk Ġesù kienx se jeħles lil-Lhud mir-Rumani dalwaqt. Iktar tard, meta Ġesù ġie rxoxtat, tnejn mid-dixxipli tiegħu li kienu mexjin lejn Għemmaws ukoll ħasbu li Ġesù kien se jeħlishom. (Luqa 24:21) U qabel ma telaʼ s-sema, l-appostli tiegħu staqsewh: “Mulej, jaqaw f’dan iż-żmien se ġġib lura s-saltna t’Iżrael?”—Atti 1:6.

6. Ġesù x’għamel meta n-nies tal-Galilija riedu jagħmluh re? (Ara wkoll l-istampa.)

6 Il-Lhud fil-Galilija riedu lil Ġesù jsir ir-re tagħhom għax hu kien diġà għamel ħafna affarijiet tajbin għalihom. Pereżempju, hu fejjaq lill-morda u temaʼ lil 5,000 raġel, apparti n-nisa u t-tfal. (Ġw. 6:​8-11) Imma Ġesù ma riedx isir ir-re tagħhom. L-appostlu Ġwanni kiteb: “Peress li Ġesù kien jaf li dalwaqt kienu se jaqbduh biex jagħmluh re, hu reġaʼ mar lejn il-muntanja waħdu.”—Ġw. 6:​14, 15.

Ġesù qed jitlaq minn ħdejn folla nies li qegħdin jitkellmu fuqu. Ħdejh hemm raġel li qed jiġbor l-ikel li fadal fi qfief.

Meta Ġesù ra li n-nies tal-Galilija riedu jagħmluh re, hu rrifjuta (Ara paragrafu 6)


7. Għala Ġesù ma ħalliex lin-nies jagħmluh re?

7 Għalkemm Ġesù għen lin-nies b’ħafna modi, hu ma riedx li l-Lhud jagħmluh re. Għala? Għax kien jaf li s-Saltna t’Alla biss se ssolvi l-problemi kollha tad-dinja. Hu kien jaf li anki jekk xi mexxejja umani jixtiequ jgħinu lin-nies, xorta ma jistgħux ineħħu l-problemi kollha. (Slm. 146:3) Kien jaf ukoll li għalkemm Ġeħova jippermetti li l-gvernijiet umani jeżistu, hu Satana li jagħtihom l-awtorità. (Luqa 4:​5, 6; Ġw. 12:31; Riv. 13:2) Kien għalhekk li Ġesù ma kienx parti mid-dinja. (Ġw. 17:14) Hu ma riedx ikun mexxej fuq l-art u ried li d-dixxipli jimitaw l-eżempju tiegħu. Kien għalhekk li għallimhom jitolbu: “Missierna, . . . ħa tiġi Saltnatek.”—Mat. 6:​9, 10.

8. Ġesù x’qallu lil Pilatu dwar is-Saltna t’Alla?

8 Ftit qabel ma nqatel, Ġesù għamilha ċara quddiem l-awtoritajiet Rumani li hu kien newtrali fil-politika. Meta l-Gvernatur Ruman Ponzju Pilatu staqsieh: “Int ir-Re tal-Lhud?,” Ġesù wieġbu: “Is-Saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.”a (Ġw. 18:​33, 36) Il-gvern t’Alla kien se jmexxi mis-sema u ma kien se juża l-ebda gvern uman fuq l-art biex isolvi l-problemi. Kien għalhekk li Ġesù qatt ma ħaseb li gvern uman kien aħjar minn ieħor.

9. Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?

9 Aħna nimitaw lil Ġesù u ma naħsbux li mexxej jew gvern uman hu aħjar minn ieħor. Aħna nuru rispett lejn il-mexxejja tal-gvern, nobdu l-liġijiet, u nħallsu t-taxxi. (Rum. 13:​1, 7; Titu 3:1; 1 Pt. 2:​13, 14) Imma ngħidu lin-nies li s-Saltna t’Alla biss għandha d-dritt li tmexxi u li se ssolvi l-problemi kollha. Minħabba li s-Saltna t’Alla mhix tmexxi bħalissa, ħafna nies qed ibatu u jiġu trattati ħażin. (Ekk. 4:1; Lhud 10:36) Imma aħna nimitaw lil Ġesù u ma nistennewx li l-gvernijiet taʼ din id-dinja jsolvu l-problemi. Pereżempju, aħna ma nipprovawx inbiddlu l-liġijiet billi nidħlu għall-politika jew billi nivvotaw għall-kandidati. (Ġw. 15:19; 17:16) Jekk nafdaw fil-mexxejja jew il-gvernijiet taʼ din id-dinja, ma nkunux qed nuru li s-Saltna t’Alla biss se tneħħi l-problemi tad-dinja kollha.

ĠESÙ MA ĠĠILIDX

10. L-għedewwa taʼ Ġesù għala kienu rrabjati ħafna għalih u riedu joqtluh?

10 Il-gvernijiet umani spiss jinkuraġġixxu lin-nies biex jiġġieldu kontra xulxin. Imma Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jobogħdu l-vjolenza. Xi wħud mill-għedewwa taʼ Ġesù kienu l-mexxejja reliġjużi. Huma kienu rrabjati ħafna għalih u riedu joqtluh għax ma ridux li l-Lhud jimxu warajh. Il-mexxejja reliġjużi ħasbu li jekk il-Lhud jibdew jafdaw f’Ġesù, il-gvern Ruman kien se jiħdilhom l-awtorità.—Ġw. 11:​48-50, 53.

11. Ġesù għala qal lill-appostli tiegħu biex iġibu xi xwabel fil-lejl meta ġie arrestat?

11 Ġesù kien jaf li l-għedewwa tiegħu kienu qed jippjanaw biex joqtluh. Għalhekk, waqt l-aħħar ikla mal-appostli, hu qalilhom biex iġibu xi xwabel. Meta wiġbuh: “Għandna żewġt ixwabel,” hu qalilhom: “Tnejn biżżejjed.” (Luqa 22:​36-38) Biżżejjed? Kienu żewġt ixwabel biżżejjed biex jiġġieldu kontra “folla kbira,” li iktar tard dak il-lejl kienet se tiġi tarresta lil Ġesù, armata “bi xwabel u bsaten”? (Mat. 26:47) Żgur li le! Imma żewġt ixwabel kienu biżżejjed biex jgħallimhom lezzjoni. X’kienet din il-lezzjoni?

12. Wara li Pietru uża x-xabla, Ġesù x’qallu? (Ara wkoll l-istampa.)

12 Ġesù ried jgħallem lill-appostli li huma m’għandhomx jiġġieldu kontra dawk li jippersegwitawhom. Meta folla kbira ġiet biex tarresta lil Ġesù, hu ma ġġildilhomx u ma qalx lill-appostli biex jużaw ix-xwabel biex jiġġieldu kontrihom. Imma Pietru xorta waħda uża x-xabla tiegħu u qataʼ l-widna tal-ilsir tal-qassis il-kbir. Għalhekk, Ġesù qallu: “Poġġi x-xabla f’postha, għax kull min jiġġieled bix-xabla, se jmut bix-xabla.” (Mat. 26:​51, 52) B’dan il-kliem, Ġesù wera biċ-ċar li hu ma riedx li d-dixxipli tiegħu jiġġieldu kontra xi ħadd jew kwalunkwe gvern.

Ġesù qed iwaqqaf lil Pietru u jurih li għandu jpoġġi x-xabla f’postha. Il-folla xxokkjata u r-raġel li Pietru qatagħlu widintu qed iżomm il-ġenb taʼ rasu.

Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu li m’għandhomx jiġġieldu (Ara paragrafu 12)


13. Għala x-Xhieda taʼ Ġeħova jirrifjutaw li jieħdu sehem fi gwerer? (Ġwanni 13:35; 17:​11, 20-23)

13 Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù u jimxu fuq il-passi tiegħu. Aħna ma niħdux sehem fi gwerer jew nissapportjawhom b’xi mod. Kieku nagħmlu hekk, ma nkunux qed nobdu lil Ġesù. Ukoll, ma nkunux qed nuru mħabba lejn l-aħwa li jgħixu madwar id-dinja. Ġesù kien qal li din l-imħabba kellha turi min huma d-dixxipli veri tiegħu. (Aqra Ġwanni 13:35; 17:​11, 20-23.) U jekk immorru niġġieldu fil-gwerer, inkunu qed nissapportjaw gvern uman. Kif issemma qabel, aħna nibqgħu newtrali fil-politika għax nafu li s-Saltna t’Alla biss għandha d-dritt li tmexxi u se ssolvi l-problemi kollha.

ĠESÙ MA TKELLIMX FUQ AFFARIJIET POLITIĊI

14-15. Il-Lhud għala kienu rrabjati dwar it-taxxi li kellhom iħallsu, u l-għedewwa taʼ Ġesù xi staqsewh? (Mattew 22:​19-21)

14 Darba minnhom, l-għedewwa taʼ Ġesù riedu jippruvaw iġegħluh jgħid jekk kienx jaqbel mat-taxxi li kellhom jew le. Dak iż-żmien, ħafna nies kienu rrabjati minħabba t-taxxi li kellhom iħallsu. Huma ħassew li l-gvern Ruman kien qed jiħdilhom ħafna flus.b Imma kien hemm tip taʼ taxxa li l-Lhud kienu rrabjati ħafna għaliha. Il-gvern Ruman riedhom li jħallsu din it-taxxa permezz taʼ munita li fuqha kien hemm wiċċ il-mexxej Ruman, u dan kien ifakkarhom li huma kienu taħt il-ħakma Rumana. Xi wħud mil-Lhud saqsew lil Ġesù mistoqsija biex jaraw jekk hu kienx se jgħid xi ħaġa li turi jekk kienx jaqbel mal-Lhud jew mar-Rumani.

15 Fil-verità, l-għedewwa taʼ Ġesù kienu qed jippruvaw jaqbduh f’nassa. Kif? Huma b’makakkerija poġġew il-mistoqsija b’mod li Ġesù kellu jwieġeb iva jew le meta staqsewh: “Hu tajjeb li nħallsu t-taxxa lil Ċesari jew le?” (Mat. 22:​15-17, ntt.) Jekk Ġesù kien se jgħidilhom li hu tajjeb li jħallsu t-taxxi, il-Lhud kienu se jirrabjaw ħafna u joqtluh. U jekk kien jgħidilhom li mhux sew li jħallsu t-taxxi, hu kien se jiġi akkużat li qed jiħodha kontra r-Rumani u jiġi arrestat. Imma Ġesù ma riedx jidħol f’dan l-argument u m’għażel l-ebda naħa. Għalhekk, hu wiġibhom b’tattika.—Aqra Mattew 22:​19-21.

16. X’għandna nevitaw meta naraw jew ngħaddu minn ħafna inġustizzji? (Ara wkoll l-istampa u l-kaxxa “Ibqaʼ Newtrali f’Qalbek.”)

16 Fi żmien Ġesù, in-nies kienu qed ibatu minħabba li kellhom iħallsu ħafna taxxi. Bla dubju, Ġesù kien imdejjaq li n-nies kienu qed ibatu u ried li jgħinhom. (Mat. 9:36) Imma peress li kien jaf li s-Saltna t’Alla biss se ssolvi l-problemi tagħhom, Ġesù ma tkellimx dwar li l-gvern Ruman kellu jbiddel it-taxxi. Bħala dixxipli taʼ Ġesù, aħna nimitaw l-eżempju tiegħu. Anki meta naraw jew ngħaddu minn inġustizzji, nafu li Ġeħova jaf x’qed jiġri u li s-Saltna tiegħu biss hi s-soluzzjoni għal dawn l-affarijiet. Għalhekk, bħal Ġesù, meta n-nies jitkellmu dwar kif iħossuhom b’deċiżjonijiet li jieħdu l-gvernijiet, aħna ma nkomplux magħhom.—Luqa 6:45.

Oħt qed titlaq mill-kamra minn fejn qed jieħdu l-brejk waqt li n-nies tax-xogħol qed jargumentaw u qed jippontaw lejn protesta li qed tiġri barra.

Din l-oħt kif qed timita lil Ġesù? (Ara paragrafu 16)


Ibqaʼ Newtrali f’Qalbek

Ġesù qal li dak li nagħmlu u ngħidu juri x’hemm fil-“qalb.” (Mat. 15:19) Meta kien fuq l-art, hu ħallielna eżempju. Ġesù xtaq li s-Saltna t’Alla biss tmexxi. Allura meta n-nies staqsewh jekk kienx sew li jħallsu t-taxxi, hu sempliċement qalilhom dak li jrid Alla u xorta wera rispett lejn il-gvern Ruman.—Mat. 22:​19-22.

Aħna wkoll m’għandniex nagħżlu naħa jew oħra meta jinqalgħu kwistjonijiet politiċi, anki fil-ħsibijiet tagħna. (Mat. 22:37) Pereżempju, qatt m’għandna f’qalbna nippreferu partit jew kandidat minn ieħor. M’għandniex nirraġunaw li d-deċiżjonijiet li jkunu se jieħdu se jgħinuna f’ħajjitna jew li mhux se jippersegwitaw lin-nies t’Alla.

Li nibqgħu newtrali f’qalbna jaf ikun diffiċli speċjalment jekk il-ħin kollu nisimgħu b’aħbarijiet taʼ nies li jiġu trattati ħażin, fuq korruzzjoni u inġustizzji. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu newtrali? Aħna nistgħu nqattgħu inqas ħin nisimgħu u naraw aħbarijiet dwar affarijiet li n-nies u l-politikanti ma jaqblux dwarhom. Minflok, nistgħu nqattgħu iktar ħin naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuqha, u kif ukoll nippritkaw l-aħbar tajba dwar is-Saltna. (Slm. 119:97; Mat. 24:14) Jekk nagħmlu hekk, se jgħinna nkunu ċerti li Ġeħova diġà għażel l-aħjar żmien meta se jsolvi l-problemi tad-dinja.

17. Għala hu importanti li nibqgħu leali biss lejn is-Saltna t’Alla?

17 Aħna nafu li s-Saltna t’Alla biss se tirranġa l-problemi kollha li hawn fid-dinja! U għalhekk li nibqgħu leali lejn din is-Saltna u ngħidu lil oħrajn dwarha. Ġeħova ħalla lill-mexxejja tad-dinja jmexxu għal perjodu twil taʼ żmien, biex juri li anki mexxejja b’intenzjoni tajba ma jistgħux isolvu l-problemi kollha. (Ekk. 8:9; Ġer. 10:23) Minħabba f’hekk, in-nies fid-dinja qishom baħar imqalleb li ma jistax jikkalma, jiġifieri n-nies ikomplu jbatu u jiġġieldu kontra xulxin. Allura m’għandhomx paċi. (Isa. 17:12; 57:​20, 21) Imma s-Saltna t’Alla mmexxija minn Kristu se ġġib paċi vera, ġustizzja vera, u ferħ li ma jispiċċa qatt. Sadanittant, min jaf kemm jifraħ Ġeħova meta jara n-nies tiegħu b’qalbhom kollha ma jissapportjaw lill-ebda gvern taʼ din id-dinja, imma jissapportjaw lir-Re li hu għażel biex imexxi din is-Saltna, Ibnu, Ġesù Kristu!—Sof. 3:17.

18. Il-Kristjani xi sfidi jaf jiffaċċjaw, u x’se nitgħallmu fl-artiklu li jmiss?

18 Imma xi kultant, jaf insibuha diffiċli biex nibqgħu newtrali. Xi gvernijiet jaf jagħmlulna l-pressjoni biex ningħaqdu maʼ xi organizzazzjoni minn tagħhom jew biex niġġieldu fil-gwerer. Ukoll, huma jaf jhedduna li jekk ma nobduhomx, jitfgħuna l-ħabs. X’nistgħu nagħmlu bħalissa biex inkunu preparati ħalli nibqgħu leali lejn Ġeħova? Fl-artiklu li jmiss se nitgħallmu x’għandna nagħmlu.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Il-Kristjani veri għala ma jżommu mal-ebda gvern uman?

  • Aħna għala nirrifjutaw li nieħdu sehem fil-gwerer?

  • Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù meta n-nies idaħħluna f’konversazzjonijiet politiċi?

GĦANJA 22 Bil-lest is-Saltna hi—Ħa tiġi!

a Ġesù setaʼ jgħid “is-Saltna tiegħi” għax Ġeħova kien diġà għażel lilu biex imexxi bħala Re.

b Apparti minn hekk, il-kolletturi tat-taxxi kienu qed jitolbu iktar flus minn kemm kien qed jitlob il-gvern, u dan għamel il-ħajja tan-nies iktar diffiċli.—Luqa 19:​2, 8.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja